Lokali

“Abela kien jaf li l-poplu Malti qed jiġi ffrodat u m’għamel xejn dwar dan” – Bernard Grech

“Robert Abela kien jaf li l-poplu Malti u Għawdxi qed jiġi ffrodat iżda għażel li jħalli dan kollu għaddej, bil-Gvern Laburista, permezz ta’ dan id-deal, ħalla lill-poplu jiġi misruq.”

Kien dan kliem il-Kap tal-PN, Bernard Grech fuq barra tal-Parlament eżatti wara li l-Oppożizzjoni ħarġet ‘il barra mill-Kamra tad-Deputati wara li l-Membri Parlamentari tal-Labour serqu l-ħin mid-diskors tal-Kap tal-PN.

Bernard Grech qal kif għal darb’oħra, il-Gvern għażel li jabbanduna lill-poplu Malti u Għawdxi wara li l-ispeaker tal-kamra tad-deputati ma qagħdix dmiru.

Il-Kap tal-PN qal kif il-Prim Ministru Robert Abela għadu s’issa jiddefendi d-deal skandaluż tal-Vitals minflok iddefenda lill-poplu Malti u Għawdxi.

“Illum assistejna għall-Prim Ministru li b’mod ċar deher dahru mal-ħajt, jiddefendi lil Vitals u Steward, sar Prim tagħhom u mhux tal-poplu.”

Bernard Grech kompla jgħid kif Robert Abela għażel l-interessi tiegħu u tal-Gvern Laburista u tal-frodisti għal dawn l-aħħar 10 snin minn flus il-poplu Malti u Għawdxi.

“Dan huwa l-Prim Ministru maħtuf. Prim Ministru li m’għandux l-awtorità biex jiġġieled għall-poplu Malti u Għawdxi. Kuntent bil-medjokrità.”

Bernard Grech fakkar meta Robert Abela kien qal li l-Prim Ministru stess kien qed isegwi d-deal tal-Vitals mill-bidu nett tiegħu u b’hekk dan iwassal biex nifhmu li Abela ħalla kollox għaddej qisu xejn mhu xejn.

“Robert kien jaf li l-poplu Malti kien qed jiġi ffrodat, qed jisirqu l-investiment ta’ pajjiżna.”

Bernard Grech qal li dawk li ħamġu lil pajjiżna għandhom iħalsu għal kull nuqqas li sar.

“Prim Ministru li jrid jerfa’ r-responsabbiltà. Iżda mhux hu biss, kull min bill subajh u qed jiddefendu d-deals skandalużi. Insaqsi fejnha l-Avukat Ġenerali fejnha? Il-Kummissarju tal-Pulizija fejnu?”

Bernard Grech qal li s-soluzzjoni li ma tax il-Prim Ministru, se jkun hemm il-PN li se jibqa’ jkun hemm favur il-poplu Malti u Għawdxi u jaħdem biex is-soluzzjoni tingħata… filwaqt li appella biex kull persuna tiddefendi lil pajjiżha.

“Ser inkunu hemm u nkomplu naħdmu għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.”