Lokali

Abela kiser il-wegħda li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia

Ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika tħalla fuq l-ixkaffa jiġma’ t-trab għal 19-il xahar

Il-Prim Ministru Robert Abela kiser il-wegħda tiegħu li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qed ikompli jxettel kultura ta’ impunità f’pajjiżna.

Dan qalu fi stqarrija l-kelliem tal-PN Karol Aquilina.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li Robert Abela ħalla r-rapport tal-Inkjesta Pubblika fuq l-ixkaffa jiġma’ t-trab għal 19-il xahar u sal-lum għadu ma implimenta l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet li għamlu t-tliet Imħallfin.
Dan mhux qed iseħħ b’kumbinazzjoni, iżda skont pjan imfassal minn Robert Abela biex jibqa’ jipproteġi li dawk qrib tiegħu li wettqu 10 snin ta’ frodi, serq u tixħim.

Il-Prim Ministru Robert Abela qed jagħmel minn kollox biex inessi l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia u l-iskandli li kixfet, fosthom dawk tal-Panama Papers, tal-Vitals, tal-Bank Pilatus, tal-Electrogas u ħafna oħrajn.

Sal-lum, l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, b’mod partikolari l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija, għadhom ikkontrollati mill-Prim Ministru u għalhekk, għadhom ma ressqu lill-ebda politiku quddiem il-ġustizzja. U sadanittant, Robert Abela kien moħħu biss biex jaħtaf il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika taħt idejh u issa għandu istituzzjoni oħra kkontrollata minnu.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li f’Lulju li għadda, għat-tieni darba, ippreżenta Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Minkejja li għaddew kważi tmien xhur oħra, il-Gvern għadu qed jirrifjuta li jpoġġi fuq l-aġenda tal-Parlament dan l-Abbozz ta’ Liġi mressaq mill-Partit Nazzjonalista.

Għalhekk, illum, f’għeluq il-65 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-imġieba irresponsabbli u abbużiva ta’ Robert Abela, li biha qed jinsulta l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia u qed jonqos b’mod serju mill-obbligi u d-dmirijiet tiegħu li jiżgura li f’pajjiżna jkollna governanza tajba u ħarsien tas-saltna tad-dritt.