Internazzjonali

Franza: Macron ‘jisforza’ r-riformi għall-pensjonijiet mingħajr vot fil-Parlament

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, sfida l-għadab tal-mijiet tal-eluf tal-Franċiżi meta, ftit tal-ħin ilu, għadda r-riformi kontroversjali dwar il-pensjonijiet taċ-ċittadini mingħajr ma sejjaħ vot fil-Parlament.

L-abbozz għar-riformi seta’ jgħaddi wara li l-Gvern uża l-poteri speċjali mogħtija lilu mill-Kostituzzjoni (Artiklu 49:3) biex jaċċerta minn dan il-pass wara li sensiela ta’ laqgħat żvelaw li hu kellu jitlef il-vot imminenti li kieku sar.

Skont ir-riforma, l-età għall-irtirar mix-xogħol fi Franza għandha tiżdied minn 62 għal 64 sena u meta l-ħaddiema ta’ ħafna setturi ilhom il-ġimgħat jipprotestaw bl-aħrax dwar il-miżura.

Bħalissa hemm l-eluf tad-dimostranti miġburin fil-Place de la Concorde, f’Pariġi, b’reazzjoni għall-pass ta’ Macron. Dan meta qed isiru aktar dimostrazzjonijiet ta’ protesta fi bliet bħal Bordeaux, Rennes u Toulouse.

Intant, id-deputati tal-Oppożizzjoni għandhom iressqu mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern – bir-rappreżentanti minn madwar l-ispektrum politiku fi Franza qed jikkritikaw il-pass ta’ Macron rigward il-pensjonijiet fost ix-xeni kaotiċi fil-Parlament.

Il-membri tal-Assemblea Nazzjonali (Parlament) ta’ Pariġi li jopponu l-abbozz tal-pensjonijiet għandhom anqas minn 24 siegħa biex iressqu mozzjoni ta’ sfiduċja u jekk din il-mozzjoni ma tintlaqax, il-pjan ta’ Macron biex iżid l-età tal-pensjoni għandha tkun implimentata bis-sħiħ.

Iżda jekk l-Assemblea Nazzjonali tivvota favur din il-mozzjoni, il-proposti dwar il-pensjonijkiet jispiċċaw miċħuda awtomatikament u bil-Kabinett ta’ Macrton ikun kostrett li jirriżenja bħala riżultat.

Filwaqt li ħadd ma jaf meta jista’ isir dan il-vot ta’ sfiduċja, l-indikazzjonijiet huma li l-vot għandu jsir f’xi żmien il-ġimgħa d-dieħla.