Lokali Saħħa

IDURU GĦAL XULXIN: Steward jakkużaw lill-Gvern illi kien hu li naqas; jgħidu li jridu jitterminaw il-kuntratt

Fi stqarrija mhux mistenija, il-kumpanija Steward ħabbret li trid tittermina l-kuntratt li għandha mal-Gvern Malti. Dan wara l-kundanna ċara tal-Qorti, illi ddikjarat li d-deal tal-isptarijiet kien miżgħud bi frodi.

Kuntrarju għal dak li qalu Robert Abela u Joseph Muscat fl-aħħar jiem, l-istqarrija ta’ Steward tagħmilha ċara li l-Gvern naqas bi kbir f’dan id-deal. Tant li l-kumpanija infurmat ukoll lid-Dipartiment tal-Istat Amerikan u lill-ambaxxata Amerikana f’pajjiżna.

It-talba biex ikun terminat dan il-kuntratt saret l-għada li l-istess kumpanija appellat mis-sentenza tal-Qorti.

Fl-istqarrija Steward qalet li tinsab iddiżappuntata bil-Gvern Malti hekk kif il-Gvern falla milli jkun responsabbli għall-obbligazzjonijiet tagħhom stess, li kienu ħarbu mill-iskrutinju kif ukoll naqsu milli jinnegozjaw it-termini ‘mhux bankarji’ u mhux sostenibbli tal-konċessjoni, mhux darba iżda tliet darbiet. Barra minn hekk din l-istqarrija tgħid li l-Gvern naqas milli jippermetti lil din il-kumpanija sabiex tiġbor il-finanzi biex iwettaq bis-sħiħ it-termini tal-ingaġġ tiegħu.

Minn naħa l-oħra, Steward Healthcare qalet li tinsab inkwetata ħafna hekk kif in-negozju f’Malta qed jiddeterjora kif ukoll in-nuqqas ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ investituri barranin. Steward aċċennat li l-Gvern falla meta m’appellax mis-sentenza mogħtija mill-Qorti…sentenza li qalet li l-aġir tal-Gvern kien wieħed korrott. L-istqarrija qalet li hawnhekk il-Gvern aċċetta li l-governanza tiegħu stess hija waħda falluta.

Steward qalet li bit-terminazzjoni tal-kuntratt il-kumpanija issa tista’ tiffoka r-riżorsi tagħha f’ġurisdizzjonijiet li jipproteġu lill-investituri barranin għall-ħidma aktar effiċjenti.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej.