Internazzjonali

Il-Libja: Tħassib dwar theddida radjoloġika fost l-għajbien tal-uranju

Kelliema għall-International Atomic Energy Agency (IAEA) jinsabu allarmati dwar l-għajbien ta’ żewġ tunnellati u nofs ta’ uranju li kienu qed jinżammu f’lokalità fil-Libja li ma kenitx żvelata.

L-IAEA hi l-osservatur tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam nukleari u l-għajbien tal-uranju sar magħruf wara li l-ispetturi tagħha, jiem ilu, żaru sit speċifiku mhux identifikat u fejn indunaw bin-nuqqas ta’ għaxar kontenituri bis-sediment tal-uranju.

L-ispetturi qed jinkwetaw li l-uranju inkwistjoni kapaċi jimponi theddida ‘radjoloġika’ minbarra li huma wkoll imħassbin dwar is-sigurtà fuq livell ta’ nukleari.

Hu wkoll preokkupanti l-fatt li – skont l-IAEA – l-uranju rappurtat nieqes ma kienx qed jinżamm f’territorju kontrollat mill-Gvern Libjan.

L-aġenzija nukleari, sadanittant, ħarġet stqarrija biex tgħid li l-ispetturi tagħha se jmexxu aktar attivitajiet ‘biex jikkjarifikaw iċ-ċirkustanzi wara t-tneħħija tal-materjal nukleari u l-lokalità attwali tiegħu’.