Lokali

“Il-mument tal-verità dejjem qiegħed joqrob” – Repubblika

“Il-mument tal-verità dejjem qiegħed joqrob. Aħna se nkomplu naħdmu qatigħ u nagħmlu x-xogħol tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija li ġurnata wara l-oħra qed ikomplu jiddefendu lill-kriminali.”

Dan sostnieh quddiem folla numeruża l-President ta’ Repubblika Robert Aquilina waqt viġil li jsir kull xahar li jfakkar il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan il-viġil kien indirizzat mill-President ta’ Repubblika Robert Aquilina fejn saħaq li dawn il-viġili ilhom isiru għal 65 xahar sabiex l-ebda persuna ma tinsa li nqatlet waħda minn uliedu mill-mafja bil-kompliċità tal-korrotti fil-Gvern. Huwa qal li hija l-missjoni ta’ Repubblika li Daphne Caruana Galizia tinżamm ħajja l-missjoni tagħha sabiex inkomplu l-veritajiet li l-kriminali korrotti jridu jinżammu moħbija billi naslu u niksbu l-ġustizzja.

Aquilina saħaq li l-poplu għandu dritt ikun jaf il-verità u li jara l-ġustizzja sseħħ. Il-poplu għandu dritt jara lill-politiċi u lill-persuni oħra li ffrodawh u li ċċappsu b’korruzzjoni, bil-ħasil ta’ flus u b’reati oħra jitressqu l-Qorti u jieħdu li ħaqqhom skont il-liġijiet ta’ pajjiżna.

Huwa qal li l-istituzzjonijiet pubbliċi qed ikomplu jipproteġu lill-kriminali li ġabu lil pajjiżna għarkupptejh. Il-President ta’ Repubblika qal li din l-għaqda qed tkompli tagħmel ix-xogħol tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija fuq id-deal korrott tal-Electrogas, il-Panama Papers, il-korruzzjoni fil-bejgħ tal-passaporti kif ukoll fuq il-Pilatus Bank.

Robert Aquilina temm id-diskors tiegħu hekk kif saħaq li l-mument tal-verità qiegħed dejjem joqrob.

Minn naħa tagħha l-Viċi President ta’ Repubblika Alessandra Dee Crespo qalet li Daphne minn dejjem kellha raġun u dan mhux il-poplu biss jafu iżda jafuh il-korrotti li hemm f’Kastilja bħalissa u dawk li kienu hemm qabel. Hija sostniet li Daphne kellha raġun dwar is-serq tal-isptraijiet meta kitbet dwar din il-ħadma l-ewwel darba propju 8 snin ilu. Dan l-istess kuntratt ftit tal-ġimgħat ilu ġie ddikjarat bħala wieħed frawdolenti fis-sentenza iebsa mogħtija mill-Imħallef Francesco Depasquale.

Dee Crespo sostniet li Daphne illum kellha tkun hawn sabiex tara l-frott tax-xogħol investigattiv tagħha f’sentenza tant importanti dwar id-deal frawdolenti ta’ Vitals. Hija saħqet li l-ex Prim Ministru Joseph Muscat qed jagħmel l-istess fuq is-sitwazzjoni tal-isptarijiet fejn qed iwaħħal f’ħaddieħor għaliex irid li tintesa li hu kien kap tal-Gvern u jrid jagħtina x’nifhmu li l-kuntratti saru mill-fatati.

Waqt id-diskors tagħha Orsetta Spinola li hija membru fl-għaqda CHANCE qalet li illum il-ġurnata l-kriminalità organizzata ġiet stabbilita fiċ-ċentru tal-poter ta’ pajjiżna. Hija saħqet li rridu ningħadu kollha flimkien u nsaħħu s-sens ta’ komunità sabiex nippreservaw id-demokrazija kontra l-korruzzjoni. Orsetta Spinola qalet li dan iż-żmien diffiċli jista’ jingħeleb jekk naħdmu flimkien għall-paċi, ġustizzja, l-verità kif ukoll għad-drittijiet.

Minn naħa tagħha, Louiselle Vassallo li hija attivista ma’ OccupyJustice sostniet li l-Kabinett preżenti sfaw vittmi tal-Vitals u ta’ Steward Healthcare fejn huma ġew deskritti bħala “naive” u innoċenti. Kompliet tgħid li jekk verament ma kinux konxji mill-ħadma tal-isptarijiet, allura dan ifisser li kollha kemm huma inkompetenti. Hi għamlet appell sabiex jiġu ppublikati min huma l-individwi li verament ipprofittaw minn din il-ħadma monumentali.

Fid-diskors tagħha semmiet kif il-Gvern Laburista kellu biżżejjed flus xi jberbaq fuq il-Vitals u Steward, iżda ma kellux biżżejjed flus biex jagħmlu spot checks fuq is-siti ta’ kostruzzjoni, m’hemmx flus għat-tobba u l-konsulenti jitħallsu pagi li jixirqilhom. Hija saħqet li l-Gvern ġie elett sabiex tara li r-riżorsi ta’ pajjiżna ma jitqassmux lil tal-qalba, jew agħar minn hekk, jiffinanzjaw lil min hu korrott, imma li jiġu użati biex jerfgħu lil min hu l-aktar fil-bżonn.

Preżenti għal dan il-viġil kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kif ukoll diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista.