Internazzjonali

Il-Polonja: ‘Newtralizzat’ network tal-ispjunaġġ għar-Russi

Il-qawwiet tas-sigurtà fil-Polonja arrestaw lil sitt barranin suspettati bħala spjuni għar-Russja. Dan waqt li l-Ministeru Pollakk għad-Difiża sostna li l-uffiċjali tal-aġenzija tas-sigurtà interna rnexxielhom jeliminaw għal kollox it-theddida tan-network tal-ispjuni li kien qed jaħdem kontra l-interessi ta’ pajjiżu.

L-arrestati huma suspettati b’li stallaw il-kameras sigrieti biex jieħdu l-filmati tal-infrastruttura tat-trasport li qed tintuża biex twassal l-għajnuna lill-Ukrajna li ilha aktar minn sena tiġġieled gwerra kontra r-Russja.

Jidher ukoll li n-network kien qed jippjana atti ta’ sabutaġġ fil-konfront ta’ din l-infrastruttura.

Il-konflitt bejn l-aġenziji sigrieti tar-Rissja u l-Punent intensifika mindu t-truppi tar-Russja invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022 u meta l-Polonja hi fost l-akbar alleati tal-Ukreni. Sadanittant, din mhix l-ewwel darba li l-qawwiet tas-sigurtà Pollakki arrestaw lil diversi persuni fuq suspett li kienu qed jispjunaw għar-Russja mill-jum tal-invażjoni ‘il hawn.