Lokali Saħħa

ILLEJLA: Protesta fis-6pm quddiem il-Parlament

"Din hi l-ġlieda tal-poplu kollu"

“Il-Gvern innegozja is-saħħa tal-poplu, biex ħaddieħor għamel il-miljuni. U issa spiċċa bla pjan dwar l-isptarijiet.”

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech meta dalgħodu indirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru tas-Saħħa, fejn saħaq li l-PN se jibqa’ jitkellem b’saħħa fuq din il-materja sabiex il-poplu jieħu lura l-miljuni li nsteraq.

“Dawn huma l-flus tal-poplu Malti”, qal Bernard Grech, filwaqt illi nsista li trid titnterfa’ responsabbiltà.

Il-Kap tal-PN irrefera għall-fatt kif Steward se tħalli lil Malta għax skont hi il-Gvern naqas bi kbir. “U quddiem dan kollu, Abela għadu sieket.”

Bernard Grech appella lin-nies biex illejla jingħaqdu mal-appell qawwi li qed jagħmel il-PN, fi protesta li se ssir fis-6pm barra l-Parlament.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Adrian Delia fakkar kif is-saħħa ta’ pajjiżna ġiet mibjugħa b’kollużjoni mal-Gvern.

Adrian Delia irrefera għal dak li qalet il-kumpanija Steward dalgħodu. “Issa Steward ħarbu mir-responsabbiltajiet tagħhom, anke f’dan il-perijodu” meta għadu qas biss beda l-appell.

Hu insista mill-ġdid li din hi l-ġlieda tal-poplu kollu.

Id-deputat Jerome Caruana Cilia minn naħa tiegħu fakkar kif mill-miljuni kbar li ingħataw, Vitals u Steward ma għamlu assulutament xejn. Bil-pressjoni issa tiżdied anke fuq il-Ministru tal-Finanzi.

Minn naħa tiegħu, id-deputat Stephen Spiteri fakkar kif minn dan id-deal mimli fordi qed isofri l-pazjent Malti u Għawdxi li tħalla minsi.