Lokali

Inawgurat monument għall-kantawtur Malti Enzo Gusman

L-Erbgħa filgħaxija ġie inawgurat monument għall-kantawtur Malti, Enzo Gusman – monument li sar mill-iskultur Indri Attard.

Enzo Gusman twieled u għex it-tfulija tiegħu f’Tas-Sliema, u għalhekk il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema ħaseb li jsellem il-memorja ta’ dan il-kantant permezz ta’ attivita li saret fir-residenza Imperial f’Tas-Sliema.

F’din is-serata ħadu sehem il-mużiċisti Mark u Ivan Spiteri Lucas illi daqqew siltiet mir-reportorju kbir ta’ Enzo Gusman.

Fi tmiem l-attività ġie inawgurat il-bust li sar ad unur Enzo Gusman mis-Sindku John Pillow li ġie imbierek mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.

Enzo Gusman kien miet fl-2021 fil-Kanada fl-età ta’ 74 sena, b’mijiet ta’ persuni jsellmu l-memorja tiegħu. Hu kien ingħata l-aħħar tislima permezz ta’ quddiesa fil-Parroċċa ta’ San Pawl, f’Toronto.

Enzo Gusman kellu imħabba liema bħala lejn dak kollu li hu Malti iżda b’mod partikolari lejn il-lingwa u l-kultura Maltija, tant li kien jitkellem ħafna dwar l-importanza li l-Malti jiġi mitkellem kif suppost.