Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ammetta li ta daqqiet b’ħadida u pala

Raġel inżamm arrestat il-Ħamis wara li ammetta li weġġa’ serjament raġel li mingħandu kien maħsub li jixtri vann. Leighton Farrugia, sewwieq ta’ 30 sena minn Ħal Qormi, ammetta li nhar it-Tlieta filgħaxija weġġa’ gravi lil Frankie Apap wara “nuqqas ta’ ftehim” dwar flus kontanti li kien jemmen li kien sabhom nieqsa mill-pounch tiegħu.

Apap sofra diversi ġrieħi f’rasu wara li kien attakkat b’ħadida u pala fiż-żona industrijali ta’ Bulebel. Apap kien qed ibigħ il-vann tiegħu lil Farrugia meta aggredih wara li akkużah li seraqlu l-flus kontanti. Apap sofra minn mill-inqas ħames ġrieħi f’rasu, li kollha kienu jeħtieġu ponti u ġrieħi fil-kustilji wara li ddaħal l-isptar matul il-lejl.

L-avukat ta’ Farrugia, Ishmael Psaila, qal li l-inċident kien “minfuħ u sproporzjonat” meta l-klijent tiegħu ħaseb li kellu flus neqsin. Il-flus aktar tard instabu f’kompartiment ieħor tal-istess pouch. Waqt l-attakk, il-vann sofra ħsarat b’valur ta’ €3,000.

Saret ħsara wkoll fuq żewġ printers, erba’ monitors u magna tal-kafè. Psaila qal lill-Maġistrat Noel Bartolo li l-klijent tiegħu kien se jħallas għall-ħsara. Hu talab ukoll li jsir rapport qabel tingħata s-sentenza. It-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest sakemm isir ir-rapport ġiet miċħuda mill-Qorti fid-dawl tas-serjetà tal-inċident kif ukoll tal-biża’ li Farrigia ma jidhirx il-Qorti. L-Ispettur tal-Pulizija James Mallia mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukat Herman Mula deher għall-vittma. Il-każ ġie differit għat-8 ta’ Mejju.