Sport Sport Ieħor

Kampjonat Ewropew tas-Snooker: Sitt plejers Maltin jikkwalifikaw għall-fażi tan-knock out

L-Erbgħa, fl-għaxar jum tal-kampjonat tal-Ewropew għalqet il-fażi tal-logħob tal-gruppi wara li saru 344 logħba li fi tmiem tagħhom wieħed kellu jistenna ftit ieħor peress li fi Grupp E tlieta spiċċaw f’parità assoluta u kellu jsir ‘shoot off’ fuq is-sewda biex ikun determinat minn kien ser ikun it-72 plejer li jgħaddi għall-fażi tan-knock out li fosthom ser ikun hemm sitt plejers Maltin.

Wara li l-Erbgħa Alex Borg, Aaron Busuttil u Brian Cini kellhom il-kwalifikazzjoni assikurata, mill-kumplament tal-plejers Maltin, li kienu b’kollox 16, tlieta oħra għaddew għar-round li jmiss. Dawn kienu Philip Ciantar, Frans Mintoff u Arthur Cachia li rebħu l-aħħar konfront tagħhom fil-gruppi. Mis-sitta li għaddew tnejn, Alex Borg u Brian Cini, rebħu l-erba’ logħbiet kif ukoll spiċċaw l-ewwel fil-grupp tagħhom. Brian Cini minkejja li rebaħ kien darbtejn minn taħt u rebaħ fil-ħames u l-aħħar frame kontra ż-żagħżugħ ta’ 14 -il sena mill-Moldova, Vladislav Gradinari.

F’din il-fażi Florian Nüßle tal-Awstrija, Iulian Boiko tal-Ukranja u David Vaitzman tal-Iżrael kienu l-uniċi tlett plejers li s’issa ma tilfu l-ebda frame.

Mill-kumplament tal-Maltin għalkemm ma kkwalifikawx, Frans Abdilla, Mark Saffrett u Duncan Bezzina rebħu l-aħħar logħba tagħhom. Chris Peplow u Tony Mifsud ħargu telliefa fil-konfront aħħari fil-logħbiet logħba diretti għal min jgħaddi għan-Knock Out. Tony Mifsud ġietu din l-opportunita wara li mill-grupp tiegħu Dudi Eliau tal-Iżrael kellu jirtira minn dan il-kampjonat għax ħassu ma’ jiflaħx. B’hekk il-logħob li kien lagħab inkluż ir-rebħa mal-istess Tony Mifsud eventwalment ġew ddikjarati nulli. B’hekk il-Maltin f’din l-fażi spiċċaw lagħbu 63 logħba, rebħu 32 u tilfu 31. Żewġ plejers biss ma’ rrnexxielhom jirbħu l-ebda’ logħba.

Wara ix-‘shoot off’ ta’ Grupp E bejn il-Franċiż Dimitri Vivier, l-Irlandiż Mark Walsh u l-Polakk Marcin Nitschke, li spiċċa jirbaħ din il-battalja, l-E.B.S.A. ħabret kif kienu ser jilagħbu għall-fażi tan-knock out. Sittax minn dawk li għaddew iridu jilagħbu f’round preliminari biex jingħaqdu mas-56 player l-ieħor għar-round tal-aħħar 64.

Mill-fażi li jmiss sa qabel il-finali il-logħob kollu jintlagħab fuq format tal-aħjar minn seba’ frames u fir-round preliminari Philip Ciantar ser jiltaqa’ kontra l-Olandiż Mario Wehrmann. Mis-sitt Maltin, Alex Borg u Arthur Cachia, jridu jilagħbu kontra xulxin filwaqt li Brian Cini ser jiffaċċja lill-Franċiż Nicolas Mortreux. Jekk Cini joħroġ rebbieħ fir-round tal-aħħar 32 jiltaqa’ mill-ewwel mar-rebbieħ mill-logħba bejn Alex Borg u Arthur Cachia. Jekk iseħħ dan, ikun żgur li plejer Malti jasal mal-aħħar sittax. Iż-żewġ partiti l-oħra tal-Maltin ser inkunu, Aaron Busuttil kontra l-Fillandiż Robin Hull u Frans Mintoff kontra Eden Sharav tal-Iżrael.

Il-programm tal-Ħamis huwa mimli b’56 logħba, 8 preliminari, l-aħħar 64 u l-aħħar 32 biex tard filgħaxija nkunu nafu minn ser jkunu s-16 -il plejer li wieħed minnhom is-Sibt jirbaħ it-titlu u jsir ic-Champion Ewropew li jiġi deċiż fuq l-aħjar minn disa’ frames