Lokali Qorti

L-allegat qattiel ta’ Bernice Cassar ċempel lil missierha tliet darbiet biex jgħidlu li qatel lil bintu

L-allegat qattiel ta’ Bernice Cassar ċempel lil missierha tliet darbiet wara li sparalha biex jinfurmah li kien qatel lil bintu, qal missier il-vittma maqtula fil-Qorti l-Ħamis. Huwa qal lill-Qorti kif ċempillu darbtejn biex jgħidlu li kien qatilha. Biex ikun żgur li ma fehemx ħażin, il-missier Joseph Cilia ċempel lil bintu fuq il-mobile tagħha.

Fakkar kif wara Roderick Cassar reġa’ ċempillu u qallu: “Ma kontx diġà għedtlek li qtiltha?” Dak kien meta ħassu ħażin bix-xokk. Missier il-vittma tal-qtil kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Cassar, li qed jiċħad li qatel lill-mara tiegħu u lil omm iż-żewġt itfal tagħhom f’Kordin fit-22 ta’ Novembru li għadda.

Sadanittant fi tmiem is-seduta, l-avukati difensuri Franco Debono u Arthur Azzopardi talbu lill-Qorti tordna lill-Prosekuzzjoni tippreżenta kopja sħiħa tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Bernice Cassar. L-inkjesta tmexxiet mill-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia. Il-Prosekuzzjoni hawn talbet xi żmien biex tippreżenta t-tweġiba tagħha għal din it-talba. Huma ngħataw 10 ijiem biex jippreżentaw tweġiba.

Fix-xhieda tiegħu Joseph Cilia xehed kif Roderick u Bernice kienu miżżewġin iżda r-relazzjoni tagħhom bdiet sejra lura aktar ma beda jgħaddi ż-żmien. Qal li marret ferm għall-agħar fil-bidu tal-2022. Fakkar kif irċieva telefonata mingħand bintu fl-Ewwel tas-Sena tal-2022 waqt li kienu qed jieklu.

“Kienet tibki u qaltli biex immur għaliha malli stajt.” Meta wasal id-dar tagħhom fil-Qrendi, sab ħerba kbira, bi platti miksura u ikel mifrux mal-art. Meta ra lil Roderick, staqsieh x’ġara, u wieġbu: “M’inix bħalek… jien vulkan” qabel qabad lil ibnu u ħadu fil-kamra tas-sodda.

Il-missier qal li Roderick qal lil Bernice li tista’ tmur ma’ missierha jekk trid imma t-tifel kien se joqgħod miegħu. “Dejjem uża lill-iben bħala arma biex Bernice dejjem terġa’ lura d-dar,” qal il-missier. Wara qaltlu li l-argument inqala’ meta għaddiet kumment li kienet xebgħet.

Qal li hi qaltlu wkoll li Roderick kien qabad sikkina u qalilha li se jużaha biex joqtolha. “Qattgħet il-ġurnata miegħi u mbagħad marret lura d-dar minħabba binha għax ma riditx tħallih miegħu.”. Cilia qal li f’Marzu jew April, Roderick beda joħroġ filgħaxija, imur lura d-dar fis-sakra bl-effett tal-kokaina.

F’jum l-omm, f’Mejju, martu qaltlu li Bernice kienet ilha jumejn ma ċempel. Ċempilt lil oħtha u waqt li kienu fuq it-telefon, Bernice marret id-dar taz-zija tagħha tibki għax kien hemm argument ieħor, din id-darba għax Roderick ried imur Għawdex mal-familja tiegħu. Ma riditx tmur imma hu ma kienx se joqgħod għaliha, beda jagħtiha fuq rasha u jiġbidha minn xagħarha.

“Poġġa sikkina ma’ għonqha u hi gaħmlet pipi tagħha bil-biża’ meta qalilha li se jaqtgħalha griżmejha,” qal Cilia. Wara dak l-inċident, hi kienet marret tgħix mal-ġenituri tagħha mat-tfal. L-ewwel ġimagħtejn kienu kwieti iżda meta ma rritornatx, Roderick beda jċempel lil missierha biex jibgħatha lura d-dar.

“Ġurnata minnhom ġie barra d-dar tiegħi u beda jgħidli li ried jiskuża ruħu magħha u miegħi imma jien għedtlu li ma riedx nirriskja li nibgħatha lura għax tkun fuq il-kuxjenza tiegħu jekk ikollu jiġri xi ħaġa”, qal Cilia lill-Maġistrat Joe Mifsud.

L-affarijiet komplew jiddeterjoraw hekk kif Roderick ma riedx li t-tfal jgħixu man-nanniet. Riedha tikri post iżda meta talbitu biex iħallas il-kera, qalilha li kien se jħallas għal żjara f’Mater Dei. F’Lulju, hu ddaħħal l-isptar u kien hemm inċidenti barra l-isptar kull meta kienet ħadet lit-tfal biex tara lil missierhom.

Waqt wieħed mill-argumenti kien qalilha: “Jekk jien mhux se ngawdi lil uliedi, ħadd ma se jgawdihom,” xehed il-missier. “Dik id-dikjarazzjoni ppreokkupatni ħafna u qatt ma konna nħalluha tmur imkien biss ħlief għax-xogħol, fejn eventwalment qatilha, u għand it-terapista.”

Qal li Roderick ta’ spiss iħażżeż is-sinjal tas-salib fuq it-twieqi tal-karozza ta’ martu u “kien isabbat mal-karozza flok jagħti lilha,” qal ix-xhud. Qal ukoll li fuq insistenza tal-avukat tagħha, Marita Pace Dimech, Bernice kienet talbet ordni ta’ protezzjoni iżda minflok żdied l-inkwiet “meta Roderick ra li ma kien qed isir xejn dwar dan”.

“Lejn l-aħħar ġimgħa ta’ ħajjitha, kienet beżgħana ħafna. Hi rrapurtatu iżda ma ġara xejn. Hu tefa’ post “revenge is a must” lejlet il-qtil. Huwa kien qalilha li se jaqtalha’ rasha quddiemi, “qal Cilia. Qal ukoll li ftit jiem qabel, bint Bernice talbet lil ommha għal festin ta’ għeluq sninha f’Awwissu, li għal din it-talba wieġbet: “Probabbilment ma nkunx għadni hawn”. Il-missier qal li bintu kienet ħadet il-parir tal-avukat tagħha biex tibda tiġbor affidavit bl-istorja ta’ ħajjitha. Hi iżda ma rnexxilhiex tikkonkludi hekk kif ħajjitha kienet insterqitilha, qal ix-xhud.

Filmat li wera swat – espert

L-espert tal-Qorti Martin Bajada qal lill-Qorti li kien inħatar biex jiġbor filmati ta’ CCTV minn cameras f’Kordin u l-Qrendi. Qal li niżżel ukoll filmati miġbudin minn persuna li nzertat għaddejja u li qabad dak li kien qed jiġri f’dik l-għodwa fatali. ż

Qal li l-filmati wrew kif il-karozza ta’ Roderick Cassar waqqfet il-karozza ta’ Bernice qabel ma aggrediha b’mod vjolenti u mbagħad sparalha. Il-każ ikompli x-xahar id-dieħel. L-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukjat Ġenerali, Angele Vella u Darlene Grima assistew lill-Ispetturi Wayne Camilleri, Shaun Pawney u Paul Camlleri. L-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Marion Camilleri u Jacob Magri kienu l-avukati difensuri. L-avukati Stefano Filletti, Marita Pace Dimech, Ann Marie Cutajar u Rodianne Sciberras dehru bħala parte civile