Internazzjonali

L-Awstrija: Attenti għal terrur potenzjali kontra s-siti reliġjużi fi Vienna

Il-Pulizija fi Vienna fl-aħħar sigħat komplew bir-ronda miżjuda qalb ‘il-punti ta’ interess’ madwar il-kapitali wara theddida ġdida ta’ terroriżmu li, allegatament, kapaċi jkun speċifikament dirett kontra l-knejjes u siti reliġjużi oħrajn.

It-theddida ssemmiet bħala waħda ‘imminenti’ wara li l-uffiċjali tas-sigurtà Awstrijaki żvelaw li kellhom f’idejhom informazzjoni dwar il-pjani għal kumplott terroristiku– bl-attività tal-pulizija qed tiżdied sew fi Vienna bħala konsegwenza.

Fil-fatt, l-awtoritajiet ħadu l-miżura rari li jinfurmaw lill-pubbliku – permezz tal-media soċjali – li l-kapitali se tkun qed tara preżenza akbar mis-soltu ta’ pulizija armati u ta’ membri tal-qawwiet speċjali tal-Awstrija.

Dan waqt li l-Pulizija rreferiet għall-possibbiltà ta’ ‘azzjoni mill-militanti Iżlamiċi’ fost konferma li l-qawwiet tal-liġi, bħalissa, qegħdin iħarsu l-knejjes u l-attrazzjonijiet sinonimi ma’ Vjenna – ‘bil-prekawzjonijiet l-oħra ma jonqsux’.

Mhux maħsub li l-informazzjoni f’idejn is-sigurtà tinkludi theddida speċifika kontra xi knisja partikulari inkella lokalità konkreta fil-kapitali.

Madankollu l-awtoritajiet Awstrijaċi mhuma jieħdu l-ebda ċansijiet – bl-uffiċjali ma jeskludux li l-Kristjani Sirjani residenti fi Vienna jistgħu huma mira ewlenija għat-terroristi.

Il-pubbliku fi Vienna u l-madwar, fl-aħħar sigħat, kien mitlub biex ma jibgħatx ritratti tal-pulizija fuq il-media soċjali għaliex b’hekk ikun qed ‘jgħin indirettament’ lill-elementi li jistgħu qed jippjanaw attakk fil-qalba tal-kapitali.

Dan meta mhux magħruf  kemm se ddum effettiva l-kampanja tas-sigurtà estiża fi Vienna – bil-pulizija, bħalissa, anki qegħdin iwettqu s-‘spot checks’ fuq it-traffiku li għaddej miz-zoni tal-belt.

Fl-istess ħin, kelliema għall-Arċidjoċesi ta’ Vjenna qalu li l-knejjes għall-Kristjani se jibqgħu miftuħin ‘għalissa’ u sakemm joħorġu t-twissijiet u avviżi ulterjuri min-naħa tal-Pulizija.