Internazzjonali

L-Istati Uniti: Ħsarat sinifikanti mill-maltemp — minn Kalifornja sa New York

‘Il fuq minn 400,000 ċittadin, fl-aħħar jiem, spiċċaw mingħajr dawl madwar l-Istati Uniti minħabba l-maltemp li kien qed jassedja lill-pajjiż minn diversi direzzjonijiet. Dan fost il-ħalbiet kontinwi tax-xita u l-irwiefen bil-borra – biz-zoni viċin il-kosta jispiċċaw taħt għargħar.

L-awtoritajiet għall-emerġenzi fl-Istat ta’ Kalifornja kellhom jieħdu azzjoni biex irażżnu l-mewġ tal-għargħar mix-xmajjar u li f’diversi bnadi żviluppaw fi gliegel tat-tajn b’periklu għall-ħajja.

Fil-fatt, madwar 40 fost il-50 counties ta’ Kalifornja spiċċaw taħt stat ta’ emerġenza fost l-inżul ta’ aktar minn metru ta’ borra fi bnadi ta’ New York, New Hampshire u Massachusetts.

U għalkemm il-qilla tal-maltemp bdiet tonqos fl-aħħar sigħat, xorta rriżultaw il-ħsarat sinifikanti – bl-elettriku jinqata’ għal ħinijiet twal għal kważi 190,000 resident ta’ Kalifornja.

L-istess inkonvenjent, intant, mess lil madwar 166,000 resident madwar New Hampshire, Maine, New York u Massachusetts fost ir-rapporti kontinwi dwar stallazzjonijiet tad-dawl u siġar imqaċċtin qalb iz-zoni li ntlaqtu l-agħar mill-irwiefen b’veloċità ta’ 70 kilometru fis-siegħa.

Fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet kienu qed jippjanaw biex jiftħu mill-ġdid il-mijiet tal-iskejjel li – l-istess bħal ħafna negozji — kellhom jingħalqu fir-reġjuni l-milquta.