Internazzjonali

L-Istati Uniti: Se tkompli tuża l-ispazju tal-ajru internazzjonali minkejja l-inċident tad-drone fuq il-Baħar l-Iswed

Il-Ġeneral James Hecker, tal-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti, insista li l-ajruplani ta’ pajjiżu u tal-pajjiżi Alleati se jkomplu bil-missjonijiet u attività fl-ispazju tal-ajru internazzjonali.

Dan waqt li hu ħeġġeġ biex ir-Russi jimxu b’mod professjonali u mingħajr ma jipperikolaw is-sigurtà tal-ajruplani.

Intant, kompliet il-gwerra bil-kliem bejn l-Istati Uniti r-Russja anki waqt li l-qawwiet tal-ajru Amerikani ħarġu l-filmati tal-ħabta, nhar it-Tlieta, bejn id- drone tal-Istati Uniti u fighter-jet tar-Russja fuq il-Baħar l-Iswed.

L-inċident wassal biex id-drone ( mingħajr pilota) tat-tip MQ-9 Reaper jinżel fil-baħar wara li żewġ fighters tar-Russja tat-tip Su-27 ippruvaw jinterċettawh. L-ajruplani, dak il-ħin, qabdu u disponew mill-fuel quddiemu biex itellfuh mit-triq waqt attività rutina fl-ispazju tal-ajru internazzjonali.

Il-Ġeneral Hecker qal li t-telfa tad-drone irriżulta minn manuvri perikolużi tal-piloti Russi li wkoll setgħu ġġarrfu b’konsegwenza ta’ għemilhom – u meta l-inċident qed jitqies fost l-aktar żvilupp serji bejn il-potenzi rivali mill-Gwerra Bierda ‘il hawn.