Ewropa Lokali

L-MEP David Casa b’appell sabiex issir inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia

L-MEP Nazzjonalista David Casa kiteb lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa fejn talabha tara għalfejn il-Gvern Malti qed ikompli bir-reżistenza tiegħu sabiex issejjaħ inkjesta pubblika dwar il-mewt traġiku ta’ Jean Paul Sofia…iż-żagħżugħ ta’ 20 sena li tilef ħajtu wara li f’Diċembru li għadda kkrollat binja.

David Casa qal li meta persuna titlef ħajjitha b’dan il-mod, l-istat għandu obbligi ċari li jwettaq investigazzjoni effettiva dwar il-mewt ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu filwaqt li kompla jgħid li dawn huma raġunijiet b’saħħithom favur inkjesta pubblika indipendenti dwar il-mewt ta’ dan iż-żagħżugħ.

Barra minn hekk huwa ta sostenn lil omm Jean Paul Sofia li qalet li inkjesta maġisterjali ma kinitx biżżejjed biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Gvern taħt il-liġi internazzjonali.

Casa sostna li omm Jean Paul Sofia jistħoqqilha għeluq kif ukoll jistħoqqilha li tkun taf il-verità kollha dwar x’wassal għall-mewt ta’ binha. Barra minn hekk, hija jistħoqqila li tkun taf jekk inkisrux xi regolamenti li kienu maħsuba biex iżommuh sigur kif ukoll jekk hemmx xi persuni li huma responsabbli għat-telfa ta’ binha.

David Casa temm b’appell biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm aktar familji mġiegħla joħorġu fl-isfera politika biex jiġġieldu għad-drittijiet fundamentali tagħhom tal-bniedem.