Internazzjonali

L-Olanda: Partit tal-Bdiewa joħloq sorpriża kbira elettorali

Partit li jħares l-interessi tal-bdiewa kkaġuna terremot fil-politika lokali u meta – skont l-aħħar indikazzjonijiet mill-elezzjonijiet provinċjali —  għandu jkun l-akbar entità politika fil-kamra ta’ fuq tal-Parlament Olandiż

Il-Moviment tal-Bdiewa u ċ-Ċittadin (BBB) ilu mwaqqaf biss mill-2019 wara li ‘twieled’ mill-protesti kbar tal-bdiewa Olandiżi kontra l-politika tal-Gvern li kienu jqisuha kontra l-interessi tagħhom.

Intant – u wara li ngħaddew il-parti kbira tal-voti tal-elezzjonijiet provinċjali – dan il-partit mistenni jirbaħ talanqas 15-il siġġu fis-Senat tal-Olanda, bil-Kap Caroline van der Plas tkun l-ewwel li tammetti li ‘ħaġa bħal din ma tistax titqies bħala normali ( fil-politika ta’ pajjiżha)’.

Il-BBB qed jaħseb biex jirreżisti l-pjani tal-Gvern biex inaqqas l-emissjonijiet tan-nitroġenu (meqjusin li jagħmlu l-ħsara lill-biodiversità) permezz tat-tnaqqis ‘sfurzat’ tal-merħliet u x-xiri ta’ eluf tal-irziezet.

Fl-istess ħin, l-appell tal-BBB mar anki ‘il hinn miz-zoni rurali tal-Olanda u s-suċċess tal-partit hu anki bażat fuq politika populista li tirrappreżenta l-valuri soċjali, it-tradizzjonijiet u l-morali konservattivi tal-Olandiżi.