Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni ma tipparteċipax fil-vot; il-gvern ma jressaqx emenda fil-ħin allokat lilu iżda l-Ispeaker iħallih iressaqha

L-Oppożizzjoni ma pparteċipatx il-vot dwar il-mozzjoni biex il-gvern iġib lura l-fondi fil-korruzzjonital-isptarijiet wara li l-Ispeaker ħalla lill-Gvern iressaq emenda meta din kienet tmur kontra r-regoli tal-Kamra. L-Oppożizzjoni ħarġet mill-parlament.

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ħalla lill-gvern iressaq emenda għall-mozzjoni tal-gvern meta din ma tressqitx fil-ħin tal-gvern, ma ngħatax avviż dwarha u l-Oppożizzjoni ma kinitx ingħatat kopja tagħha.

F’intervent il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Ispeaker kien qed jonqos u seraqlu l-ħin fil-parlament u għalhekk mhux se jipparteċipa fil-vot għaliex l-Ispeaker kien għamel dan il-vot, parodija tad-demokrazija.

Il-ħin allokat għall-gvern intemm fi tmiem id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela u sa dak il-ħin il-gvern ma ressaqx l-emenda tiegħu.

Kien biss wara li temm jitkellem id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri li l-gvern induna li ma kienx ressaq l-emenda u l-Ministru Jonathon Attard qam biex iressaq l-emenda.

L-Oppożizzjoni opponiet mill-ewwel u sostniet li dan imur kontra r-regoli tal-Kamra u l-gvern ma setgħax iressaq din il-mozzjoni għal raġunijiet diversi.

Il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni kienet espressa mill-Whip Robert Cutajar u mid-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Adrian Delia.

L-Oppożizzjoni sostniet li l-gvern kien tilef iċ-ċns li jressaq l-emenda fejn l-Ordni Permanenti 44 tispeċifika d-dritt tas-sedja li ssejjaħ għal mozzjoni jekk jingħata avviż iżda l-avviż ma ngħatax u għalhekk il-gvern m’għandux dritt iressaq l-emenda.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Ispeaker ma kienx qed jimxi sew għax mhux qed iħallih jitkellem u qed jagħti l-ħin lil ħaddieħor.

Karol Aquilina sostna li r-regoli tal-kamra jispeċifikaw li l-Ispeaker jista’ jiċħad emenda jekk ma jingħatax avviż. Hu qal li din hi emenda sostantiva u għalhekk ma tistax titressaq. L-Ispeaker għandu jkun hu li jgħallem lill-Kamra u mhux l-Oppożizzjoni tiġbidlu l-attenzjoni. L-Oppożizzjoni sostniet li l-ħin tal-Gvern kien għadda.

L-Ispeaker sostna li hu kien talab li l-emenda ssir bil-miktub u ordna lill-Ministru Attard biex iressaq l-emenda kontra l-mozzjoni tal-gvern biex il-poplu jirkupra l-flus lura.