Lokali

NIŻVELAW: Laqgħa urġenti imsejħa fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista

Għall-ħabta tas-12:30pm, il-Prim Ministru Robert Abela sejjaħ laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari Laburista. Dan wara t-terremot li inqala’ fl-aħħar sigħat bid-deċiżjoni ta’ Steward illi tinħall mid-deal tal-isptarijiet.

Il-laqgħa tant ma kinitx skedata u ssejħet b’urġenza, li diversi Ministri kellhom jitilqu minn impenji li kienu preżenti għalihom. Fosthom is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli li kienet qed tattendi seminar fis-Siġġiewi u kellha titlaq malajr.

Minkejja li l-istqarrija ta’ Kastilja qalet lin-nies biex iserrħu rashom, mhux l-istess jista’ jingħad għal grupp żgħir ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari li issa apertament qed jitolbu lil Abela biex jiċċaqlaq u juri sens ta’ leadership.

Dan is-sens ta’ tensjoni inħass ukoll minn barra taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, eżatt malli l-crew ta’ Net News wasal fil-post.

Dan is-sit se jkompli jaġġornakom dwar l-eżitu ta’ din il-laqgħa, u dak li għandhom xi jgħidu d-deputati tal-Labour.