Lokali Parlament

Robert Abela jiddefendi bil-qawwi lil Steward

Il-Prim Ministru Robert Abela ddefenda bil-qawwi lill-kumpanija Steward u qal li dawn wettqu investimenti kbar fis-settur tas-saħħa.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dibattitu dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex il-gvern jibda proċeduri biex il-poplu jieħu flusu lura wara s-sentenza tal-qorti, il-Prim Ministru qal li l-Oppożizzjoni qed tgħid il-kontra ta’ dak li qalet il-qorti u sostna li ma tkellimx qabel biex ma jagħtix xi vantaġġ strateġiku fl-appell. L-ewwel u qabel jiġi l-maturità u l-interess nazzjonali, sostna l-Prim Ministru, li kompla li kien se jagħti s-soluzzjonijiet.

Robert Abela qal li l-qorti qatt ma qalet li kien hemm frodi mill-gvern ta’ Malta u akkuża lil Adrian Delia li kien “gideb mal-qorti” dwar dan. Adrian Delia insista li l-Prim Ministru jirtira din l-allegazzjoni jew jirtiraha. Wara diversi interrruzzjonijiet, l-Ispeaker Anġlu Farrugia issospenda l-kamra. Meta kompliet is-seduta, il-Prim Ministru qal li Adrian Delia kien naqas milli jgħid il-verità wara s-sentenza bl-Ispeaker isostni li kien qed joħodha li l-Prim Ministru li kien qed jirtira l-kelma “gideb”. Adrian Delia nisista li l-allegazzjoni tal-Prim Ministru tkun irtirata. L-Ispeaker sostna li l-Prim Ministru kien iċċara dak li kien qal u qal li kien se jagħti ruling dwar dan.

Il-Prim Ministru kompla bid-diskors tiegħu u qal li l-gvern ma nstabx ħati ta’ frodi. Hu qal li l-aqwa konferma ta’ kemm ma ċediex.

Fuq point of order, id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal li qabel kienet seduta l-Kamra l-Ministru Anton Refalo nstema’ jgħid “xtrajtuh lill-Imħallef”.

Il-Ministru Anton Refal staqsa min kien semgħu jgħid dan id-diskors u qal li ma kienx qal dak id-diskors.

Meta kompla, il-Prim Ministru qal li Steward kienu taw konferma li hu żamm ċar mal-prinċipju. Hu sostna li Steward ilhom jgħidu l-istess diska tliet snin meta kien jgħidilhom li l-obbligi jridu jkunu osservati.

Il-Prim Ministru qal li mhux veru li Steward ħadu €400 miljun u ħarbu bihom u sostna li l-poplu jistenna li l-gvern jgħid il-verità u jkun fattwali. Hu qal li mhux minnu li l-gvern ma rċieva xejn tal-ħlasijiet li għamel lil Steward.

Robert Abela kompla li l-gvern jemmen li għandu joffri servizz bi proġett ġdid f’Għawdex, li s-servizz tal-kura medika akuta jkun immexxi mill-gvern u li jekk hemm flus li tħallsu u li Steward ma tawx il-korrispottiv dawk il-flus jinġiebu lura mingħand Steward.

Il-Prim Ministru qal li s-sentenza għad mhix definittiva għax hemm appelli u sostna li ħadd m’għandu jippreġudika l-interessi tal-pajjiż. Hu sostna li Steward qalu li riedu bidliet fil-konċessjoni għax kienet wisq favur il-gvern. Il-Prim Ministru qal li kien irrifjuta din il-proposta ta’ Steward u sostna li l-gvern ħa l-proċeduri biex l-arretrati tat-taxxa jinġabru.

Robert Abela qal li l-gvern ma setax iwaqqaf il-ħlasijiet lil Steward waqt li kien għaddejja kawża u żied li l-gvern ħallas dak li kien dovut u Steward baqgħu jagħtu s-servizzi mistenni minnhom f’Karin Grech u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Hu qal li dan kien servizz tajjeb u sostna li Steward għamlu investimenti strutturali saru wkoll. Bla ma’ semma’ liema huma dawn l-investimenti, il-Prim Ministru tratta l-konċessjonijiet u sostna li l-gvern ħa t-tagħlimiet kollha.

Robert Abela tkellem dwar VITALS u qal li l-Qorti qalet li kien aġir frawdolenti mill-VITALS iżda ma qalx kien hemm frodi mill-gvern. Dwar Steward, il-Prim Ministru sostna li lanqas hawn ma kien hemm aġir frawdolenti mill-gvern.

Robert Abela qal li kien għalhekk li l-gvern m’appellax is-sentenza tal-qorti u kompla li Steward qalu li l-qorti ddefendiet lill-gvern u li l-qorti u l-gvern huma ħaġa waħda. Hu kompla li mhux kuntent għal kollox bis-sentenza jew li San Luqa tħalla “hekk għal tant snin”.

Dwar l-€400 miljun li ħadu Steward, il-Prim Ministru qal li s-self ta’ €36 miljun ttieħdu għall-Iskola ta’ Barts f’Għawdex fejn Steward għamlet f’din l-iskola minbarra li bniet ċ-Ċentru tal-Anatomija f’Għawdex. Il-Prim Ministru qal li Steward ma ħarbux bil-flus u qed iħallsu s-self lill-BOV u huma regolari f’dan is-self. F’Barts, Steward bniet faċilità state of the art; fost l-aqwa fl-Ewropa.

Robert Abela qal li l-gvern ħallas pagamenti skont il-konċessjoni tal-2015 u sostna li mill-istatistika jirriżulta li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mill-2019 sal-2002, Steward rat 65,000 persuna fl-Emerġenza ta’ Għawdex, fid-day care u s-servizzi tal-kanċer daħlu 13,000 persuna, proċeduri fl-operazzjonijiet saru 7,300, surgical procedures saru 900, proċeduri oħra saru 6,000, fl-out patients saru 259,000, fl-iscans saru 113,700 intervent, testijiet tal-laboratorju saru 2.5 miljuni, fid-Dipartiment tal-Qalb saru 70,000 intervent, fl-out-reach saru 30,000 intervent, fil-pedjatrija saru 500, fl-ITU daħlu 1,600 pazjent waqt li fir-renal iktar minn 6,000 pazjent.

F’Karin Grech, Steward taw servizz ta’ kura fejn saru 1,000 admission fis-sena li ħadu kura għal 70,000 siegħa ta’ kura. Hu kompla li fiż-żewġ sptarijiet Steward ipprovdew dak kollu meħtieġ għal dawn l-isptarijiet inkluż ikel u apparat.

Hu qal li fl-Isptar Ġenerali saru investimenti f’diversi setturi fosthom fil-pandemija u sostna li Steward kellhom jagħmlu €200 miljun oħra f’investiment iżda huma qalu li din ma kinitx vijabbli.

Il-Prim Ministru qal li kien se jitlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga jekk Steward irċevewx €400 miljun u ma tawx il-valur tagħhom lura. Robert Abela kompla li jista’ jmur quddiem il-qorti jekk jirriżulta li hemm diskrepanzi. Hu kkritika l-bini tal-Isptar Mater Dei u lill-kumpanija Skanska.