Internazzjonali

Sigurtà fi Vienna minħabba biżà ta’ terroriżmu

Il-Pulizija fi Vienna komplew iżidu r-rondi madwar il-belt wara theddida ġdida ta’ terroriżmu li, allegatament, kapaċi tkun speċifikament diretta kontra knejjes u siti reliġjużi oħrajn.

It-theddida ssemmiet bħala waħda imminenti wara li l-uffiċjali tas-sigurtà Awstrijaki żvelaw li kellhom f’idejhom informazzjoni dwar il-pjani ta’ komplott terroristiku – bl-attività tal-pulizija qed tiżdied sew fi Vienna bħala konsegwenza ta’ dan kollu.

Fil-fatt, l-awtoritajiet ħadu miżura rari li jinfurmaw lill-pubbliku – permezz tal-media soċjali – li l-kapitali se tkun qed tara preżenza akbar mis-soltu ta’ pulizija armati u ta’ membri tal-qawwiet speċjali tal-Awstrija.

Fl-aħħar sigħat ukoll kien hemm attività partikolari mill-pulizija fl-Università Teknika ta’ Vjenna, bl-uffiċjali armati jduru madwar zona ta’ parkeġġ taħt l-art – mingħajr ma żvelaw jekk iz-zona kenitx, fil-fatt, marbuta mat-theddida. Dan waqt li l-Pulizija rreferiet għall-possibbiltà ta’ azzjoni mill-militanti Iżlamiċi ….fost konferma li l-qawwiet tal-liġi, bħalissa, qegħdin iħarsu l-knejjes u attrazzjonijiet oħrajn.

L-awtoritajiet Awstrijaċi m’huma jieħdu ebda riskji – bl-uffiċjali ma jeskludux li l-Kristjani Sirjani residenti fi Vienna possibbilment huma l-mira ewlenija għat-terroristi.

Kelliema għall-Arċidjoċesi ta’ Vjenna qalu li l-knejjes għalissa se jibqgħu miftuħin sakemm joħorġu twissijiet u avviżi ulterjuri min-naħa tal-Pulizija Awstrijaka.