Futbol Sport

Teddy Teuma jiskorja f’rebħa u kwalifikazzjoni ta’ Union St. Gilloise

(Ritratt: EPA)

Union St. Gilloise v Union Berlin 3-0 (6-3)

Il-plejer Internazzjonali Malti Teddy Teuma sab ix-xibka għall-ewwel gowl tal-partita fir-rebħa ta’ Union St. Gilloise kontra Union Berlin bl-iskor ta’ 3-0, b’aggregate ta’ 6-3 għat-tim Belġjan.

Konklużjoni bix-xellug minn Teuma biex fetaħ l-iskor għat-tim tiegħu hekk kif skurja it-tielet gowl tiegħu fil-kompetizzjoni.

Union St.Gilloise rduppjaw l-iskor fit-63 minuta permezz ta’ Lazare Amani li sab ix-xibka b’xutt ċentrali.

Union St.Gilloise skurjaw it-tielet gowl ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima b’din id-darba Loic Lapoussin iniżżel ismu mal-iskorers.

Real Betis v Manchester United 0-1 (1-5)

Gowl ta’ Marcus Rashford fil-55 minuta kien biżżejjed sabiex jagħti r-rebħa lil Manchester United  kontra Real Betis bl-aggregate finali jkun ta’ 5-1 favur ir-Red Devils.

Il-gowl wasal minn pass preċiż ta’ Casemiro li wasal f’saqajn Rashford u għeleb lil Rui Silva b’xutt minn barra l-kaxxa.

Freiburg v Juventus 0-2 (0-3)

Juventus avvanzaw għall-kwarti finali b’rebħa missielta kontra Freiburg bl-iskor ta’ 0-2 biex għaddew b’aggregate ta’ 3-0.

Freiburg spiċċaw jilgħabu b’10 hekk kif fil-44 minuta Manuel Gulde kkometta foul ikrah fil-kaxxa fuq id-difensur ċentrali ta’ Juventus Gatti, bil-referee Gozubuyuk jkeċċi lid-difensur Ġermaniż u jsaffar għal penalty.

Dusan Vlahovic kien inkarigat mill-penalty hekk kif sab ix-xibka b’konklużjoni ċentrali.

Bil-gowl ta’ Vlahovic il-Bianconeri daħlu għal ħin tal-mistrieħ b’vantaġġ minimu.

Juventus issiġilaw ir-rebħa fil-95 minuta permezz ta’ gowl mis-sostitut Federico Chiesa li sab ix-xibka minn pass ta’ Adrien Rabiot.

Fenerbahce v Sevilla 1-0 (1-2)

Il-gowl ta’ Enner Valencia fil-41 minuta ma kienx biżżejjed għall-kwalifikazzjoni ta’ Fenerbahce hekk kif tilfu b’aggregate ta’ 2-1 favur Sevilla.

L-attakkant Kolombjan sab ix-xibka ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima minn penalty li wasal minn handsball kommess mid-difensur laterali Alex Tellas.

Minkejja l-isforzi tat-tim Tork, Sevilla rnexxielhom iżommu l-vantaġġ tagħhom mir-rebħa li kisbu f’Spanja.

Feyenoord v Shaktar Donetsk 7-1 (8-2)

Dominju assolut minn Feyenoord hekk kif għelbu lil Shaktar Donetsk bl-iskor ta’ 7-1, biex għaddew għall-kwarti finali b’aggregate ta’ 8-2.

Id-duluvju ta’ gowls beda wara biss 9 minuti logħob meta Santiago Gimenez fetaħ l-iskor b’xutt ċentrali minn pass ta’ Jahanbakhsh.

Feyenoord irduppjaw l-iskor fil-24 minuta, b’din id-darba Orkun Kokcu jniżżel ismu mal-iskorers minn pass ta’ Szymanski.

Orkun Kokcu kiseb id-doppjetta personali tiegħu fit-38 minuta, din id-darba minn penalty li spiċċa fir-rokna t’isfel tal-lemin, minn handsball kommess minn Konoplya.

Feyenoord għamluhom 4 ftit minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa ta’ Oussama Idrissi minn pass ta’ Wieffer.

It-tim Olandiż kompla l-massakru tiegħu, b’din id-darba Oussama Idrissi jikseb id-doppjetta personali tiegħu b’xutt mix-xellug bil-pass finali jasal minn Kokcu.

Żewġ gowls f’temp ta’ erba’ minuti minn Alireza Jahanbakhsh u Danilo biex b’hekk jagħmluhom 7-0 għal Feyenoord.

Gowl ta’ konsolazzjoni ftit minuti qabel tmiem il-partita għal Shaktar Donetsk meta Kevin Kelsy jiskurja gowl il-ġmiel tiegħu minn barra l-kaxxa bil-ballun jispiċċa fir-rokna t’isfel tax-xellug mnn pass ta’ Matviyenko.

Ferencvaros v Bayer Leverkusen 0-2 (0-4)

Bayer Leverkusen ikkwalifikaw għar-rawnd li jmiss b’rebħa meritata kontra Ferencvaros bl-iskor ta’ 2-0, b’aggregate ta’ 4-0.

Bidu tajjeb għat-tim Ġermaniż hekk kif wara biss 3 minuti Moussa Diaby fetaħ l-iskor b’konklużjoni minn naħa tal-lemin minn pass tad-difensur ċentrali Tapsoba.

Bayer Leverkusen issiġilaw ir-rebħa fil-81 minuta meta Amine Adil għeleb lil goalkeeper Dibusz minn pass ta’ Diaby.

Real Sociedad v Roma 0-0 (0-2)

Roma għaddew għall-kwarti finali b’aggregate ta’ 2-0 wara li l-partita kontra Real Sociedad intemmet f’ parità ta’ 0-0.

Ftit minnuti qabel tmiem il-partita, Carlos Fernandez irċieva t-tieni karta safra tiegħu tal-partita wara li kkometta foul fuq Chris Smalling. Real Sociedad spiċċaw il-partita b’10 plejers.

Riżultati:

UEFA Europa League:

Fenerbahce 1-0 Sevilla (1-2)
Feyenoord 7-1 Shaktar Donetsk (8-2)
Freiburg 0-2 Juventus (0-3)
Real Betis 0-1 Manchester United (1-5)
Arsenal 1-1 Sporting CP sad-90 minuta
Ferencvaros 0-2 Bayer Leverkusen (0-4)
Real Sociedad 0-0 Roma (0-2)
Union St.Gilloise 3-0 Union Berlin (6-3)

UEFA Europa Conference League:

Djugaarden 0-3 Lech Poznan (0-5)
Sivasspor 1-4 Fiorentina (1-5)
Slovan Bratislava 2-2 Basel (4-4) (1-4 Penalties)
AZ Alkmaar 2-1 Lazio (4-2)
Nice 3-1 Sheriff (4-1)
Villarreal 0-1 Anderlecht (1-2)
West Ham 4-0 AEK Larnaca (6-0)