Lokali Saħħa

WARA LI STEWARD ĦARBU: Il-Gvern jgħid lin-nies biex iserrħu rashom

ILLEJLA: Protesta fis-6pm quddiem il-Parlament

Issa hija ċara – gwerra fil-miftuħ bejn il-Gvern u Steward Healthcare wara li minn Kastilja ilhom 8 snin sħaħ jippumpjawlhom il-miljuni f’deal dikjarat bħala mimli frodi.

Il-Gvern qed jgħid li f’dan kollu huwa vittma. Steward qed tgħid illi kien il-Gvern li naqas. Il-Qorti ddikjarat id-deal bħala null. U f’nofs dan kollu hemm il-poplu Malti u Għawdxi, li spiċċa nsteraq il-miljuni minn dan id-deal frowdalenti.

L-istqarrija li ħarġet minn Kastilja

Il-Gvern irrefera għall-istqarrija ta’ Steward iktar kmieni llum li ddeċidew li jabbandunaw l-operat tal-isptarijiet, u qal illi fiċ-ċirkostanzi l-Awtoritajiet tas-Saħħa jinsabu f’pożizzjoni li b’mod immedjat joperaw l-isptarijiet inkwistjoni.

B’hekk il-Gvern serraħ ras l-impjegati li x-xogħol tagħhom huwa garantit. Il-Gvern jagħti wkoll assigurazzjoni li ċ-ċittadini, inkluż lill-pazjenti, se jibqgħu jirċievu servizz tas-saħħa tal-ogħla livell li pajjiżna magħruf għalih.

Il-Gvern jiddikjara li ma jaqbilx bl-aktar mod assolut mar-raġunijiet li ngħataw minn Steward għall-abbandun u wisq anqas mat-talbiet li qed isiru u se jkun qed iwieġeb dwar dan fil-fora adattata fl-aqwa interess nazzjonali.