Lokali Qorti

15-il xahar ħabs fuq żewġ serqiet f’Raħal Ġdid

Raġel ta’ 32 sena, imwieled l-Ingilterra, u li jgħix f’residenza mhux magħrufa ġie kkundannat 15-il xahar ħabs wara li ammetta li wettaq żewġ serqiet f’Raħal Ġdid. Michael Raymond Sciberras ammetta li fit-3 ta’ Diċembru li għadda fid-dawl tax-xemx, kmieni wara nofs inhar seraq €70 mill-pompa tal-petrol fi Vjal Sir Paul Boffa.

Ammetta wkoll li fil-11 ta’ Novembru li għadda seraq mill-uffiċċju tal-posta Euro fi Pjazza Antoine De Paule seraq bott tal-missjoni għad-dannu ta’ Inspire Malta u persuni oħra, liema serqa ma taqbżix il-233 euro. Din is-serqa seħħet ukoll kmieni wara nofs inhar.

Sciberras ammetta wkoll li kiser sentenzi tal-Qorti u ordni ta’ probation mogħtija fid-19 ta’ Novembru 2022. Qabel tat is-sentenza l-Maġistrat Marse-Ann Farrugia qieset rapport soċjali dwar Sciberras mħejji minn social worker. Hi rrimarkat li mir-rapport jirriżulta li għalkemm il-kondotta tiegħu mhux allarmanti lanqas ma hi feliċi.

Osservat ukoll li kiser ordni ta’ probation wara ftit xhur u ġie kkundannat seba’ xhur ħabs u ammetta li kiser it-tieni ordni ta’ probation li ngħatatlu f’Novembru li għadda waqt li kiser ukoll il-liġi tas-sewqan. Il-Qorti semmiet kif mir-rapport tas-;social worker; jirriżulta li r-raġel beda jabbuża mid-droga meta kellu 13-il sena.

Meta ġiet biex tagħti l-piena hi qalet li tinsab moralment konvinta li Sciberras mhux kapaċi jindirizza l-problema tad-droga jekk ma jkunx fil-ħabs. Kien għalhekk li kkundannatu disa’ xhur ħabs b’rabta mas-serq li wettaq u magħhom żiditlu sitt xhur ħabs oħra talli kiser il-kundizzjoni tal-probation. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri li investiga iż-żewġ serqiet.