Lokali

“Abela għażel li jkun l-avukat ta’ Steward u Vitals” – PN

Id-diskors tal-Prim Ministru fil-Parlament kien ta’ diżappunt – minflok iddefenda lill-poplu, Abela baqa’ jiddfendi lill-barrani.

Sostna dan il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione hekk kif il-Ġimgħa waranofsinhar indirizza konferenza tal-aħbarijiet flimkien mad-Deputati Parlamentari Nazzjonalisti Rebekah Borg u Darren Carabott – fejn fakkru kif il-Ħamis filgħaxija Robert Abela kważi spiċċa preżenta d-difiża li se tagħmel Steward Healthcare fl-appell.

Alex Perici Calascione sostna li inspjegabilment waqt diskors twil tal-Prim Ministru huwa baqa’ jiddefendi lill-Steward Health Care u ddeskrivihom bħala kumpanija serja, minkejja s-sentenza tal-Qorti.

Huwa saħaq li Robert Abela ftaħar li Steward qed iħallsu d-dejn li għandhom mal-BOV – investiment li sar minn flus ta’ bank lokali…u bid-dejn imħallas minn flus il-Gvern.

Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg spjegat illi filwaqt li Robert Abela qed jisħaq li l-Gvern mhux responsabbli, fis-sentenza tagħha l-Qorti uriet li b’intenzjoni il-Gvern ħeba l-obbligi dovuti minn Vitals illum Steward meta ppreżenta l-kuntratt fil-Parlament. Obbligi li anke l-Qorti għarfet li l-ebda minnhom ma ġew onorati fosthom 50 sodda ġdida fl-Isptar Karin Grech, bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex u tourism beds fl-Isptar San Luqa.

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott faħħar il-ħidma tal-ġurnalisti fejn saħaq li grazzi għal ħidma kontinwa tagħhom sa mill-bidu nett dan l-iskandlu beda joħroġ fil-pubbliku snin ilu, flimkien ukoll mal-unions u l-assoċjazzjonijiet.

Huwa saħaq li wara kundanna waħda wara l-oħra tal-Awditur Ġenerali, il-Gvern kellu diversi opportunitajiet biex jagħmel l-aħjar għażla favur il-familji Maltin u Għawdxin – iżda minflok għażel li jibqa’ jiddefendi lil Steward, li jibqa’ jagħtihom il-miljuni ta’ ewro anke fl-aħħar budget – fejn kull Deputat Laburista ivvota favur.

Huma saħqu li l-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-aġir ta’ Robert Abela u ħeġġewh sabiex jieħu n-naħa tal-familji u ħaddiema Maltin u l-Għawdxin.