Lokali

Baħar aħdar jiksi t-toroq ta’ San Ġiljan

Baħar ta’ nies liebsin ħwejjeġ ta’ lewn aħdar ksew it-toroq ta’ San Ġiljan hekk kif il-Ġimgħa ġie ċċelebrat San Patrizju.

Fil-fatt, kienu mijiet il-persuni li niżlu jiċċelebraw din il-festa tipika Irlandiża. U minn kmieni waranofsinhar, diversi persuni niżlu fit-toroq – bil-birra fl-idejn ma tonqosx.

San Patrizju kien twieled fl-Ingilterra, iżda l-post eżatt tat-twelid tiegħu mhuwiex magħruf.

Il-festa ta’ San Patrizju, il-qaddis patrun tal-Irlanda, hi festa li tiġi ċċelebrata f’ħafna pajjiżi, għal raġunijiet xi ftit differenti minn dawk reliġjużi.

Fil-fatt, dan il-qaddis illum il-ġurnata jiġi mfakkar f’ħafna pajjiżi lil hinn mix-xtut Irlandiżi u ġeneralment jiġi mfakkar b’tazza birra jew grokk mill-irqiq.

Din it-tradizzjoni daħlet anke f’pajjiżna minn ftit tas-snin ilu ‘l hawn bħal ma ġara f’diversi pajjiżi oħra. B’folol kbar kull sena jimlew it-toroq ta’ San Ġiljan u Paceville.