Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech beda l-ġurnata tiegħu qalb l-Imqabbin fejn kellu l-opportunità jitkellem u jiddiskuti diversi temi li qed jaffetwaw lir-residenti, lill-ħaddiema u n-nies fin-negozju.
Fil-fatt, kienu diversi l-persuni illi waslu l-ħsibijiet tagħhom dwar dak li għaddejjin minnu, fosthom it-tħassib tagħhom dwar l-għoli tal-ħajja; bil-prezzijiet tant jogħlew li bilkemm qed jirnexxilhom ilaħqu sal-aħħar tax-xahar. Dan apparti li oħrajn kellmuh dwar il-ħidma importanti li għamel il-PN f’dak li għandu x’jaqsam l-iskandlu tat-tliet sptarijiet.
Kien hawnhekk fejn Bernard Grech wiegħed li se jibqa’ jaħdem man-nies u għan-nies.
Matul iż-żjara li għamel, Bernard Grech dar diversi ħwienet, filwaqt li kellu wkoll l-opportunita jżur il-Każin tal-banda Madonna tal-Ġilju u l-Każin ta’ Santa Marija.
Bernard Grech żar anke l-Każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Imqabba fejn kienet għaddejja attività għar-residenti tal-lokal.
Matul din iż-żjara, Bernard Grech żar ukoll il-Kunsill Lokali tal-Imqabba fejn hemm kellu laqgħa mas-Sindku u diversi kunsillieri fejn enfasizza l-importanza tal-ħidma tal-Kunsilli Lokali.
Jakkumpanjaw lil Bernard Grech kien hemm fost l-oħrajn il-Kelliem tal-PN għall-Agrikoltura u s-Sajd, Toni Bezzina u l-Kelliem tal-PN għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Stanley Zammit. Preżenti wkoll il-kunsillier tal-PN Owen Sciberras u membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-PN.