Sport Sport Ieħor

Ċess: Jack Mizzi fuq quddiem fil-Kampjonat Nazzjonali tal-Juniors

Wara l-ewwel ħames rounds tal-Kampjonat Nazzjonali taċ-Ċess tal-Juniors, iż-żgħażugħ ta’ sittax-il sena Jack Mizzi, li bħalissa huwa l-Junior Champion renjanti, jinsab fuq quddiem nett b’4.5 punti. Jack, li jilgħab ukoll mat-tim nazzjonali tal-irġiel, huwa l-favorit li jirbaħ it-turnew, hekk kif rebaħ l-ewwel erba’ logħbiet tiegħu, u ġab draw kontra Matthias Gatt.

B’nofs punt biss wara Jack, hemm Matthias, Noah Cauchi, Leonardo Zangrilli u Isaac Grima Bongailas. Matthias irritorna lura għax-xena taċ-ċess bi grinta, wara li dan l-aħħar ħa pawsa mil-logħob sabiex isegwi l-istudji tiegħu fl-Università.  Hu l-uniku parteċipant apparti Jack, li s’issa għadu ma tilifx logħba. Matthias ġab draw kontra Milena Stagno u rebaħ lil Hayley Thornton, Nick Calleja Urry u Isaac Sacco.

Noah (U16), riċentament ikkwalifika għat-turnew tal-Candidates wara prestazzjoni mill-aqwa fil-Preliminarji.  Hu rebaħ il-logħob kollu tiegħu kontra Keshav Reyansh, Elena Borg Mercieca, Leonardo Nils Kang Di Benedetto u Isaac Sacco, b’telfa waħda kontra Jack. Leonardo (U14), żagħżugħ promettenti ħafna, ukoll rebaħ il-logħob tiegħu kontra Nick, Kyle Cassar, Gabriel u Chloe Azzopardi Frantz.  L-uniku telfa ta’ Leonardo kienet kontra Jack f’logħba twila u pjuttost bilanċjata. Isaac Grima Bongailas (U14) li hu żagħżugħ iddedikat ferm għal logħba taċ-ċess, rebaħ 4 logħbiet kontra Manuel Cutajar Lofaro, Kyle, Hayley u Leonardo Nils; bit-telfa tiegħu tkun ukoll kontra Jack.

Il-plejers kollha, bniet u subien, b’taħlita ta’ etajiet differenti, qed jilgħabu fl-istess turnew li hu organizzat fuq sistema ta’ 7-round swiss format. L-aħħar żewġ logħbiet se jintlagħbu nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej, fejn se jiġu determinati min se jkunu r-rebbieħa tat-titli varji – U20 għas-subien u l-bniet, U18, U16, U14, U12 (subien u bniet), U10 u U8.

Fis-sezzjoni tal-bniet jidher li hemm kompetizzjoni eċċitanti u missielta għat-titlu, hekk kif erbat ibniet jinsabu kollha fuq 3 punti.  Hayley (U12), li hija l-Junior Champion tal-bniet kurrenti, tinsab fuq quddiem, filwaqt li viċin ħafna fit-tie-breakst, hemm Milena Stagno (U20) Junior Champion tal-2021, kif ukoll l-uċuh ġodda Yunlong Wang (U12) u Chloe Azzopardi Frantz (U10).