Internazzjonali

Franza: Lejn mozzjoni ta’ sfiduċja f’Macron, bil-protesti dwar ir-riformi fil-pensjonijiet se jkomplu

Kollox qed jindika li l-Oppożizzjoni f’Pariġi, ‘il quddiem, għandha tressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern tal-President Franċiż Emmanuel Macron, fost akkużi li hu daħħal il-pajjiż fi kriżi mingħajr ‘l-ebda aspett leġittimu fuq livell popolari jew parlamentari’.

Fil-fatt, ħafna osservaturi jemmnu li Macron innifsu ħoloq din il-kriżi wara li ddeċieda biex jisforza r-riformi kontroversjali dwar il-pensjonijiet ( fi Franza) mingħajr ma jsir vot fil-Parlament.

Ir-riformi jżidu l-età għall-irtirar mix-xogħol minn 62 sa 64 sena u mistennija li jkunu implimentati wara xahrejn ta’ strikes u dibattiti politiċi jaħarqu.

Fil-fatt, il-Gvern ta’ Macron seta’ jgħaddi r-riformi grazzi għal artiklu speċifiku fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż u meta deher li seta’ jitlef vot relevanti fl-Assemblea Nazzjonali (Parlament) peress li ma kellu l-ebda garanzija li l-maġġoranza tad-deputati kienu favur dan il-pass.

Il-Prim Ministru ta’ Franza, Elisabeth Borne, invokat l-artiklu 49:3 tal-Kostituzzjoni li permetta biex il-Gvern jevita l-vot, u b’dan il-pass iqajjem għadab sħiħ fost il-politiċi tal-Oppożizzjoni waqt li d-dimostranti f’Pariġi ġġieldu mal-pulizija għall-kontroll tal-irvellijiet.

Fl-aħħar sigħat, eluf ta’ nies ħarġu fit-toroq ta’ Pariġi u ta’ bliet Franċiżi oħra biex jipprotestaw dwar iż-żieda fl-età għall-irtirar u fost il-kant tal-innu nazzjonali ta’ Franza. Numru ta’ nies f’Pariġi anki qabbdu n-nirien f’nofs il-Place de la Concorde u sakemm intervjenew il-pulizija li sparaw il-gass tad-dmugħ għal fuq in-nies.

Mifhum li sa 120 ruħ spiċċaw arrestati waqt il-protesti li ddominaw il-lejl tal-Ħamis  — bil-unions Franċiżi jaħilfu biex ikomplu jirreżistu lir-riformi għall-pensjonijiet. Intant, kelliema għall-Confédération Générale du Travail (CGT) ikkonfermaw li nhar it-Ħamis, it-23 ta’ Marzu se jkun jum ieħor ta’ dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern u azzjonijiet industrijali oħra fi Franza.