Lokali

Il-ġurnali ewlenin jistaqsu għalfejn Abela qed jiddefendi lil Steward Healthcare

Il-faċċata tal-ġurnali ewlenin kollha kelma waħda – huwa mument kritiku għall-Gvern ta’ Abela; mument li fih qed tispikka l-inkompetenza tal-Prim Ministru illi qed jagħżel li jkun kompliċi mal-frodi, is-serq u t-tixħim ta’ dawn l-aħħar għaxar snin.

Sitwazzjoni illi tant iggravat, li issa anke Steward daru għall-Gvern. Bil-kumpanija taqbad u titlaq minn Malta u tħalli it-tliet sptarijiet ftit tal-jiem biss wara li l-Qorti qieset dan il-ftehim bħala wieħed “frodulenti”.

Il-ġurnal The Malta Independent għamel referenza għal dak li qalu Steward fid-dawl ta’ dan kollu, fejn saħqu li n-nuqqas tal-Gvern milli jappella d-deċiżjoni tal-Qorti juri kemm Robert Abela jinsab jifxul quddiem in-nuqqasijiet tal-Gvern Laburista stess.

Bit-Times of Malta tgħid illi l-impjegati fl-isptarijiet li kienu jaqgħu taħt it-tmexxija ta’ Steward, diġa’ bdew jieħdu r-ruħ. B’infermiera li tkelmet mal-ġurnal tgħid li issa hemm it-tama li l-miljuni ta’ flus li ħadet il-kumpanija, jibdew imorru għal investiment veru fis-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dwar din is-sitwazzjoni kkummentaw diversi akkademiċi u opinjonisti, fosthom id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tal-Benesseri Soċjali, il-Professur Andrew Azzopardi, illi qal li ma jistax jifhem kif il-Prim Ministru għadu s’issa jfaħħar lil Vitals u Steward minflok għażel li “jixxutjahom ‘il barra”. Kien hawnhekk fejn Azzopardi staqsa jekk Abela hux favur jew kontra dan il-kuntratt li ġie kundannat mill-Qorti.

Minn naħa tiegħu, f’kumment fuq Facebook, is-Segretarju Ġenrali tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, Kurt Sansone qal li l-Prim Ministru għażel li tul is-seduta Parlamentari tal-Ħamis kontinwament jiddefendi x-xogħol li sar minn Steward… xi ħaġa li lanqas il-kumpanija stess m’għamlet fil-Qorti.

Sansone fakkar li l-Għawdxin baqgħu sal-lum mingħajr sptar state-of-the-art ġdid u St Luke’s għadu fl-istat diżastruż li kien fih. Is-Segretarju Ġenrali tal-IĠM temm jgħid li l-Gvern hu obligat illum qabel għada jidentifika fejn marru l-flus kollha li tħallsu lil Steward u l-Vitals, u jfittixhom għad-danni.