Il-Kremlin ta’ Moska qed jhedded ċar u tond li lest biex iwaqqa’ kwalunkwe ajruplani militari – f’dan il-każ fighter-jets – li qed jingħataw lill-Ukrajna mingħand il-pajjiżi alleati tal-President Volodymyr Zelensky.
L-awtoritajiet f’Moska qegħdin jidhru partikularment mgħaddbin wara li s-Slovakkja segwiet l-eżempju tal-Polonja biex timpenja numru ta’ ajruplani tat-tip MiG-29 għad-difiża tal-Ukrajna – u meta l-ajruplani inkwistjoni jmorru lura għall-era Sovjetika ta’ qabel il-kroll tal-Purtiera tal-Ħadid.
Il-Polonja u s-Slovakkja t-tnejn huma membri tan-NATO, bis-Slovakki mgħadhomx qed jużaw il-fighter-jets tagħhom.
Il-Gvern Ukren ilu jitlob lill-Punent biex jagħtih il-fighter-jets moderni u meta Zelensky jemmen li dawn l-ajruplani huma essenzjali għad-difiża tal-pajjiż aktar minn sena wara li l-ewwel truppi tar-Russja invadew l-artijiet Ukreni.
Sadanittant, numru ta’ pajjiżi tal-Punent huma kawti dwar dan it-tip tal-għajnuna fost tħassib dwar ‘il-konsegwenzi’ f’każ li l-Ukreni jużaw l-ajruplani tal-gwerra moderni għall-kontra-attakki fuq l-ibliet tar-Russja man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
Madankollu, xi pajjiżi tan-NATO qed jikkunsidraw li jagħtu aktar ajruplani taż-żmenijiet Sovjetiċi – inklużi l-MiG fighters – lill-Ukrajna u meta dawn l-ajruplani huma ħafna aktar familjari mal-piloti Ukreni.
Fl-istess ħin, l-Ukreni għadhom qed jinsistu dwar il-ħtieġa ta’ ajruplani militari aktar sofistikati, fosthom il-fighter-jets tat-tip F-16 li tipproduċi l-Istati Uniti.
Min-naħa tagħhom, diversi uffiċjali militari tal-Punent għadhom xettiċi dwar il-proviżjoni tal-ajruplani tal-gwerra moderni lill-Ukrajna meta huma jemmnu li l-aħjar strateġija tinvolvi l-għajnuna kontinwa lill-Ukreni biex jirbħu l-battalji tal-art kontra l-qawwiet ta’ Vladimir Putin.
Sadanaittant, Dmitry Peskov, il-kelliem ewlieni għall-Kremlin, ikkundanna bl-aħrax il-pjani tal-Istati tan-NATO biex jipprovdu l-ajruplani militari lill-Ukreni. Peskov insista, fost oħrajn, li l-proviżjoni tal-ajruplani lill-Ukrajna mgħandhiex tibdel ‘ir-riżultat tal-kampanja militari speċjali’ – meta Moska għadha tuża r-referenza għall-‘kampanja’ minflok il-kelma ‘gwerra’.
Hu saħaq ukoll li l-ajruplani tal-gwerra provduti lill-Ukreni ‘se jservu biss biex iġibu aktar gwaj lill-poplu ( tal-Ukrajna)’ u li dawn l-ajruplani issa saru mira leġittima għall-qawwiet tal-Kremlin.
//= $special ?>