Internazzjonali

Il-Qorti Kriminali Internazzjonali: Ir-Russja ma tirrikonoxxix il-mandat għall-arrest ta’ Vladimir Putin

Il-Qorti Kriminali Internazzjonali ftit tal-ħin ilu ħarġet mandat għall-arrest tal-President Russu Vladimir Putin li hu mixli dwar reati tal-gwerra, fosthom id-deportazzjoni illegali tat-tfal mill-Ukrajna lejn ir-Russja.

Il-mandat itenni li r-reati kienu twettqu fl-Ukrajna ftit wara l-24 ta’ Frar tal-2022 — wara li t-truppi ta’ Moska kienu invadew lil dan il-pajjiż — u meta l-kelliema għall-Kremlin qed ikomplu jiċħdu għal kull allegazzjoni relatata mal-atroċitajiet kontra l-bniedem waqt il-gwerra.

Intant, Putin qed ikun akkużat dwar involviment fid-deportazzjoni tat-tfal u fost indikazzjonijiet li hu ‘wettaq l-azzjoni b’mod dirett’ — minbarra li kollabora mal-entitajiet responsabbli mir-reat. Il-Qorti anki akkużat lil Putin talli naqas milli jeżerċita d-dritt tiegħu bħala President biex iwaqqaf id-deportazzjoni tat-tfal mill-organizzazzjonijiet speċifiċi.

Fl-istess ħin, l-Qorti Internazzjonali qed tfittex anki lil Maria Lvova-Belova, il-Kummissarju tar-Russja għad-Drittijiet tat-Tfal.

Madankollu, kelliema għall-Gvern Russu qalu li l-mandati għall-arrest inkwistjoni ma għandhom l-ebda valur legali għal Moska li ma tirrikonoxxix dawn il-mandati.

U minkejja kollox, il-Qorti Kriminali mgħandha l-ebda poteri biex tarresta lis-suspettati u meta tista’ teżerċita biss il-ġurisdizzjoni fi ħdan il-pajjiżi li — kuntrarju għar-Russja — kienu ffirmaw il-ftehim għat-twaqqif ta’ din l-istituzzjoni internazzjonali