Internazzjonali

In-NATO: Erdogan iwitti t-triq għall-isħubija tal-Finlandja

Tneħħa l-aħħar ostakolu għall-isħubija tal-Finlandja fin-NATO wara li l-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, ikkonferma li mhux se jopponi aktar għal dan il-pass…..Intant Erdogan faħħar l-impenn ‘konkret’ tal-Finlandiżi għas-sigurtà tat-Turkija waqt li sostna li l-isħubija tal-Finlandja fl-Alleanza tal-Punent għandu jgħaddi minn vot fil-Parlament.

L-aħbar ħarġet waqt żjara tal-President Finlandiż, Sauli Niinisto, fit-Turkija u li min-naħa tiegħu esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-iżvilupp.

Il-Finlandja, is-sena l-oħra, kienet applikat flimkien mal-Iżvezja biex tissieħeb man-NATO iżda l-applikazzjoni tal-Iżvediżi baqgħet staġnata minħabba d-diżgwid politiku ma’ Ankara u bil-FInlandja tippersisti waħedha bil-proċess għas-sħubija.

U waqt konferenza tal-aħbaraijiet ( fil-preżenza tal-President Niinisto),, Erdogan mill-ġdid wera atteġġjament ostili lejn l-Iżvezja li akkużaha b’li qed ’tilqa’ lill-militanti Kurdi li hu refera għalihom bħala ‘terroristi’. Il-Mexxej Tork jinsab speċjalment urtat talli l-Kurdi qed jitħallew jorganizzaw id-dimostrazzjonijiet fit=toroq ta’ Stokkolma.

Il-FInlandja u l-Iżvezja, is-sena l-oħra, kienu abbandunaw in-newtralità militari tradizzjonali minħabba l-invażjoni tal-artijiet Ukreni mill-qawwiet tar-Russja. U waqt li ż-żewġ membri għadhom jittamaw li jissieħbu fin-NATO qabel is-summit tal-Alleanza li se ssir f’Ġunju (fil-Litwanja), kwalunkwe membru prospettiv jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Istati membri kollha ta’ din l-Organizzazzjoni li twaqqfet għexieren ta’ snin ilu għall-iskopijiet ta’ difiża