Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Azzjoni industrijali li għandha tikkumplika l-ipproċessar tal-passaporti

Il-Britanniċi u kulmin qed jistenna għal passaport f’dan il-pajjiż kapaċi jkun affettwat minn azzjoni industrijali li ssejħet għall-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Passaporti u li mistennija jissieħbu fiha ‘il fuq minn 1,000 ruħ.

Dan qed isir minħabba kwistjoni dwar ix-xogħol, il-pagi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u għaldaqstant mistenni li l-pubbliku jħabbat wiċċu ma’ inkonvenjent sinifikanti peress li l-union tal-ħaddiema wissa dwar dawmien għall-applikazzjonijiet u l-proviżjoni tal-passaporti fil-ġimgħat u x-xhur qabel is-sajf.

Il-membri tal-union li jirrappreżenta lis-Servizzi Pubbliċi u Kummerċjali u li qegħdin jaħdmu fl-Ingilterra, l-Iskozja u Wales se jieħdu sehem f’dan is-strajk li jdum mit-3 ta’ April sal-5 ta’ Mejju. Jistgħu anki jissieħbu fl-azzjoni l-ħaddiema li qegħdin jaħdmu f’Belfast, fl-Irlanda ta’ Fuq.

Il-kelliema għall-Home Office (Ministeru għall-Intern) Britanniku ma kkummentax dwar is-sitwazzjoni. Intant, l-Uffiċċju tal-Passaporti jimpjega ‘il fuq minn 4,000 persuna madwar iz-zoni tar-Renju Unit u meta hu kalkulat li wieħed minn kull erba’ ħaddiema se jkunu fuq strajk mill-bidu ta’ April.