Sport Waterpolo

It-tim nazzjonali U17 pass bogħod mill-kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Stewart Said

MALTA………… 15

POLONJA…….. 13

(4-3), (3-2), (4-4), (4-4)

Pass importanti lejn il-kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew għat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena. Iż-żgħażagħ Maltin għelbu l-isfida tal-Pollakki f’logħba missielta u li għal mument żgħir dehret li setgħet taħrab minn idejhom.

Minn meta Jayden Cutajar fetaħ l-iskor kmieni fil-logħba, it-tim Malti qatt ma kien minn taħt, bil-Pollakki kostretti jiġru wara r-riżultat. Malta rebħet l-ewwel sessjoni 4-3, b’sitta mill-gowls jaslu minn man-up filwaqt li Dean Bugeja kien għamilhom 3-1 momentarjament minn penalty.

It-tim Malti deher li ħa l-kontroll tal-logħba u kellu vantaġġ ta’ 7-3 iżda l-Polonja baqgħet fil-logħba b’żewġ gowls fl-aħħar żewġ minuti. L-avversarji tat-tim Malti baqgħu jemmnu u doppjetta ta’ Wiktor Staniszewski lejn nofs it-tielet sessjoni, naqqsu d-distakk għal 9-8.

Iż-żgħażagħ Maltin temmew it-tielet sessjoni 11-9 iżda l-vantaġġ doppju sparixxa kmieni fl-aħħar sessjoni b’gowls ta’ Piotr Kedzior u Jakub Bloch minn man-up.

Madankollu dan il-gowl qajjem lit-tim Malti li wieġeb immedjatament bi tliet gowls konsekuttivi ta’ Luigi Dimech, Elijah Schembri u Julian Chircop. Għalkemm kien fadal tliet minuti, it-tim ta’ Milan Cirovic ikkontrolla l-logħba sat-tmiem għal rebħa prezzjuża.

Malta: Z. Dzanovic, S. Engerer, J. Valletta, G. Bonavia, J. Cassar (1), D. Bugeja (3), L. Montebello Brownrigg, J. Cutajar (4), E. Schembri (4), J. Chircop (2), L. Dimech (1), E. Mallia, I. Schembri

Polonja: M. Goik, O. Bankowski, P. Kedzior (1), A. Guzy, J. Bloch (1), W. Staniszewski (3), M. Grabinski (3), P. Broniecki (1), J. Rozycki (1), A. Pyrek (1), M. Ciula, K. Greif (2), I. Michalski

Referees: Roh Vehovek (Slovenja), Gregory Courbin (Franza)