Futbol Sport

Kampjonat tal-Veterani: Gżira jirbħu l-konfront dirett kontra Żejtun Red Stars

Gżira United reġgħu daħlu fit-taqtiegħa għall-unuri meta f’logħba ferm missielta mill-VMFA Hyundai Premier League għelbu lill-isfidanti l-oħrajn Żejtun Red Stars 4-2.

Kienet logħba ferm interessanti bejn żewġ timijiet li kellhom l-għan li jibqgħu jsegwu lil-leaders MFPA.

Għal Żejtun dan kien diżappunt ieħor hekk kif naqqsu milli jiksbu xi punti u komplew mas-sensiela xejn pożittiva li għaddejjin minnha.

Minkejja li Gżira United kienu mingħajr il-leader tagħhom Andrew Cohen, huma pproduċew wirja eċċezzjonali sabiex ħadu t-tliet punti finali li jpoġġihom biss żewġ punti taħt l-istess avversarji tagħhom u seba’ punti minn mal-leaders.

Jonathan Pearson poġġa lil Gżira fil-vantaġġ sabiex Nikolay Filipov ġab l-iskor indaqs għaż-Żwieten. L-istess Pearson żied ieħor għal Maroons b’Etienne Bonnici li għamilhom 2-2.

L-aħħar parti tat-tieni taqsima, kienet kollha kemm hi tal-Gżirjani li skorjaw għal darba darbtejn permezz ta’ Alex Muscat u Trevor Cilia.
Referee kien Alex Grech.

Luxol St Andrews kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun bi stil meta għelbu lil Pietà Hotspurs 10-4.

Ronnie Hartvig skorja tripletta filwaqt li Paul Murphy, Michael Galea u Jean Bert Gatt skorjaw doppjetta kull wieħed. Brian Said għaqqad l-iskor favur it-tim tiegħu.

Pietà rrispondew b’gowls ta’ Lawrence Vella, Leandros Calleja, Malcolm Camilleri u Roderick Farrugia.

Referee kien Alex Grech.

KLASSIFIKA VMFA Hyundai Premier League

MFPA 25, Żejtun Red Stars 20, Gżira United 18, Birkirkara St Helen’s 16, Rabat Veterans 14, Pieta’ Hotspurs 10, Luxol 8, Żurrieq Wolves 3.