“Ma kellna u m’għandna xejn personali kontra l-Avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace u l-kollega tiegħu li assistina fil-ġuri dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Imma l-fatt li l-Prim Ministru Robert Abela għajjarna kriminali u kien qed jirrappreżentana avukat imqabbad mill-istat ma konniex kuntenti bih.”
Dan ħareġ fil-kawża Kostituzzjonali li qegħdin jagħmlu l-aħwa Alfred u George Degiorgio kontra l-Avukat ta’ l-Istat fejn qegħdin jallegaw nuqqas ta’ smigħ xieraq li seħħ fil-konfront tagħhom fil-ġuri fejn huma ammettew li qatlu lil Daphne Caruana Galizia u ġew kundannati 40 sena ħabs, iżda sar appell fejn fost affarijiet oħra George Degiorgio kien qajjem il-punt li ma kienx jaf x’qed jiġri minħabba kundizzjoni medika li kellu.
Alfred Degiorgio qal li l-Avukat William Cuschieri li kien qed jidher għalihom mill-2017 kien irrinunzja l-patronċinju tagħhom fid-19 ta’ Awwissu li għadda, u dan mingħajr ma kien infurmahom, saru jafu biss mill-Qorti li kienu spiċċaw mingħajr avukat. Qal li l-ġuri kellu jsir fl-4 ta’ Ottubru, 2022, imma sar fl-14 ta’ Ottubru għax ma kienx f’sikktu, u li hu kien ħareġ mill-isptar fil-5 ta’ Ottubru.
L-aħwa li xehdu wara xulxin qalu lill-Qorti preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli li l-Avukat Simon Micallef Stafrace, waqt il-ġuri kien għamel verbal fejn talab lill-Imħallef Edwina Grima, li kellu bżonn aktar żmien biex jifli l-każ, u li dan l-Avukat kien tqabbad mill-istess Imħallef biex jiddefendihom.
George Degiorion qal li kienu għexu l-każ mal-Avukat William Cuschieri mill-bidu tal-proċess, fis-sena 2017 sal- 2022 u dejjem kienu f’kommunikazzjoni miegħu u li qatt ma kellhom indikazzjoni li l-ġuri ma kienx se jagħmlu hu.
Tenna li hu u ħuh kienu kkuntattjaw ħafna avukati oħra biex jidhru għalihom, u li dawn ma kienux jaċċettaw minħabba l-kwistjoni taż-żmien, u li kienu jgħidulhom li ma kellhomx żmien biżżejjed biex jieħdu l-każ f’idejhom.
“Mal-avukat Staface u l-kollega tiegħu qatt ma konna komdi u dan għaliex lanqas biss kien studjah il-każ, kif ikkonferma hu stess. Alfred Degiorgio ried iżid xi ħaġa, fejn qal li meta kienu għamlu talba għall-proklama kienu ġew mgħajjra mill-Gvern, li huma kriminali, u allura kif setgħu jħossuhom komdin meta qed jiġi difiżi minn avukat imqabbad mill-istess Gvern
Ġimagħtejn wara l-ammissjoni tagħhom fil-Qorti li kienu huma li poġġew u splodew il-karozza bomba li ħasdet il-ħajja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, huma stess stqarrew li qed jitolbu li jerġgħu jiġu pproċessati.
L-avukati ta’ George u Alfred Degiorgio, iż-żewġ aħwa li ġew ikkundannati għal 40 sena ħabs li ammettew il-qtil fil-bidu tal-proċess tagħhom bil-ġurija, kienu ressqu rikors ta’ appell li fih jitolbu li jerġa’ jibda l-proċess tagħhom b’ġurija.Għalihom qegħdin jidhru l-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri. L-Avukati Maurizio Cordina u Carina Bugeja Testa qegħdin jidhru f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-każ ikompli fil-21 ta’ April li ġej fil-11.30 am. għall-kontinwazzjoni tal-provi minn naħa tal-aħwa Degiorgio.
//= $special ?>