Raġel ‘homeless’ inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie akkużat li wettaq sensiela ta’ attakki fuq nisa Ukreni f’Malta, li jidher li huma konnessi mal-invażjoni Russa. L-Ispetturi Elisia Scicluna u Shamus Woods ressqu lil Serhii Zubrik ta’ 42 sena, li m’għandux indirizz fiss f’Malta u li l-pajjiż tat-twelid tiegħu huwa speċifikat bħala l-Ukrajna, taħt arrest quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
Fil-Qorti ngħad li għandu problema bl-alkoħol, u ġie mixli li għamel l-awrina fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta u kiser il-paċi pubblika fit-28 ta’ Jannar. Il-Pulizija qalet li dak il-ħin kien iġorr sikkina fuq il-persuna tiegħu. Hu kien mixli li fis-16 ta’ Frar fl-uffiċini tal-JobsPlus fil-Furjana aggredixxa u hedded erba’ nisa, fit-18 ta’ Frar fil-Ħamrun aggredixxa u hedded mara oħra, fit-23 ta’ Frar, aggredixxa u hedded sitt nisa oħra f’Tas-Sliema u li kien fis-sakra u f’diżordni fit-terminus tal-karozzi tal-linja tal-Furjana, aktar tard dakinhar.
Huwa kien arrestat il-Ħamis wara li wettaq ir-raba’ allegata aggressjoni, din id-darba fil-mira tiegħu kienu żewġ nisa fuq il-Fosos tal-Furjana. Ir-raġel kien ukoll kien fis-sakra fil-ħin tal-arrest tiegħu, qalu l-uffiċjali li ressquh. In-nisa kollha allegatament attakkati huma mifhuma li huma mill-Ukrajna.
Sorsi ndikaw li l-inċidenti jidhru li b’xi mod kienu relatati mal-invażjoni Russa tal-Ukrajna li għaddejja bħalissa, iżda l-ebda dettalji dwar il-motiv ma ħarġu fil-Qorti. Zubrik wieġeb mhux ħati u nżamm arrestat wara li d-difiża ma talbitx il-ħelsien mill-arrest. L-Avukat Daniel Attard irrappreżenta lill-imputat bħala avukat għajnuna legali..
//= $special ?>