Lokali Qorti

“Victoria Buttigieg u Angelo Gafa’ ipproteġew lill-kriminali u jridu jaħbu mill-poplu”- Robert Aquilina

“L-Avukat tal-Istat u Avukat Ġenerali jridu l-ħabi ….. jridu li l-affarijiet isiru fid-dlam u mhux fid-dawl tax-xemx. Iridu li l-poplu jibqa’ ma jsirx jaf kif Victoria Buttigieg u Angelo Gafa’ ipproteġew lill-kriminali tal-Bank Pilatus. L-isfidi huma kbar u minn jum għall-ieħor jitwieldu oħrajn ġodda. Il-Ħamis li għadda fil-Qorti sibna ma’ wiċċna sfida ġdida ….. tentattiv iddisprat biex isikktuna.

F’waħda mis-seduti li kellna kien pjanat li jien nixhed fil-każ li qegħdin nagħmlu kontra l-Avukat Ġenerali biex il-Qorti tiddikjara li d-deċiżjoni tagħha li ma tmexxiex kontra l-kriminali tal-Bank Pilatus hi waħda irraġjonevoli u allura tiddikjarha nulla u bla effett.

Il-Ħamis kont bi ħsiebni nippreżenta evidenza …. li waslitli mingħand is-sorsi tiegħi ….. provi li juru li l-Avukat Ġenerali, bil-kompliċità tal-Kummissarju tal-Pulizija, ħarġet barra minn triqitha biex tiżgura li l-kriminali tal-Pilatus Bank – dawk li għamlu ħerba minn isem pajjiżna madwar id-dinja – jeħilsuha lixxa”.

Dr Robert Aquilina, li l-Ġimgħa filgħaxija ġie kkonfermat għal sentejn oħra bħala President, tal-NGO Repubblika fi tmiem il-Laqgħa Ġenerali Annwali, f’diskors imqanqas tkellem dwar kemm l-awtoritajiet għadhom qed jimbarkaw fuq tattika ta’ ħabi mill-poplu biex jibqa’ fl-għama dwar dak kollu li qed jiġri ħażin.

Il-kelliem qal li l-isfidi huma kbar u minn jum għall-ieħor jitwieldu oħrajn ġodda. “Il-Ħamis fil-Qorti sibna ma’ wiċċna sfida ġdida ….. tentattiv iddisprat biex isikktuna,” hu kompla jgħid. “F’dik is-seduta sibna ma’ wiċċna lill-Avukat tal-Istat u lill-Avukat Ġenerali li għamlu l-kutrumbajsi kollha possibbli biex ix-xhieda tiegħi ma nkunx nista’ ntiha fil-miftugħ.

Tridu taraw kif flimkien mal-Avukat tagħna Jason Azzopardi kellna ngħerqu l-għaraq tad-demm biex niefqulhom u biex nirreżistu t-tentattivi iddisprati tagħhom intiżi li jwaqqfuna milli nikxfu l-verità. Minħabba dawn it-tattiċi deplorevoli ….. ix-xhieda tiegħi ma setgħetx tibda tinstema’ u se jkollha tittieħed deċiżjoni fuq dan il-punt mill-Qorti nhar it-Tlieta,” qal il-President ta’ Repubblika.

Dr. Aquilina qal li ċara u tond, l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali qed jaħdmu kontra l-interessi tal-ġustizzja ….. kontra l-interessi tal-governanza tajba …. u kontra l-kontabilità. Qal b’rispett lejn il-Qorti, mhux se jikxef x’intqal fl-awla fil-magħluq u x’ra b’għajnejh iseħħ hemm ġew. Pero’ qal li se jagħmilha ċara, u dan biex jifhmu kulħadd:

“Jekk hawn min ħaseb li għandu dritt għal immunità mill-kritika …. jekk hawn min ir-rispett u l-prudenza interprethom bħala dgħjufija ….. jekk hawn min għaddielu minn rasu li aħna ser ngħotru quddiem it-tgħawwiġ u l-manipulazzjoni tal-fatti … sejjer żball kbir, qal il-kelliem.

Kompla jgħid li “aħna lesti nħallsu saħansitra bil-libertà tagħna biex il-verità toħroġ u toħroġ kollha u biex lill-Poplu nuruh kif ġie tradut minn dawk li suppost kienu qed jipproteġuh. Lil dawn l-uffiċjali pubbliċi nfakkarhom li huma fid-dover li jaqdu liċ-ċittadini onesti ta’ pajjiżna u mhux lil min daħak bil-Poplu u kasbarlu ismu madwar id-dinja.

Lill-Avukat tal-Istat u lill-Avukat Ġenerali ngħidilhom li huma għandhom għażla ċara quddiemhom … għażla bejn is-sewwa u l-ħażin …. għażla bejn il-ħabi u t-trasparenza …. għażla bejn li jdaħħlu l-bsaten fir-roti fil-proċess tal-ġustizzja jew li lill-ġustizzja jaqduha u jaqduha sew.

L-għażla qatt mhi se tkun li se jagħlqulna ħalqna

Ngħidilhom li għażla waħda żgur m’għandhomx quddiemhom: dik li jgħalqulna ħalqna. U jistgħu jivvintaw skużi u intoppi legali kemm iridu. Aħna determinati li l-vuċi tagħna nużawha, li l-verità nikfuha u nikxfuha kollha u nikxfuha quddiem il-Poplu kollu u niżguraw l-kriminali u min iggarantilhom l-impunità jieħdu li ħaqqhom skond il-liġi,” qal Dr.Aquilina.

Tenna li lill-Avukat tal-Istat u lill-Avukat Ġenerali qed iwissihom li mhux lesti jħallu lil min ċaħħadna mil-libertà tal-espressjoni. Iridu jew ma jridux huma, aħna ngawdu minn drittijet fundamentali li huma protetti mil-liġijiet ta’ pajjiżna u minn trattati internazzjonali.

Kompla jgħid li m’aħna disposti nċedu xejn minn dawn il-libertajiet bażiċi. Jekk jiddejqu bi kliemu u jħossu li qed jimmalafamhom  mhux igergru u jingħu jeħtieġilhom, iżda li jieħdu passi kontrih fil-Qorti. U mbagħad wieħed jara min jieħu r-raġun. U mbagħad kulħadd ikollu jerfa’ r-responsabbilità ta’ għemilu.

“Ir-riċetta tagħna dejjem kienet, għada u tibqa’ waħda sempliċi ħafna. L-ewwel ingredjent dejjem kien u se jibqa’ jkun il-konsapevolezza u l-konvinzjoni tagħna li qed ngħidu l-verità ….. li qed ngħidu l-verità skomda …… li qegħdin fuq in-naħa t-tajba tal-istorja”, qal Dr. Aquilina.

Il-President ta’ Repubblika qal li kulħadd jaf li t-tmexxija tal-pulizija u l-Avukat Ġenerali ma ridux imissu ma’ Muscat u sħabu. Għadhom sal-lum ma jridux imissu magħhom. Imma lanqas din ma qatgħet il-qalb.   Meta Repubblika rat li ma setgħetx tasal magħhom marret l-Qorti u talbet li jinfetħu Inkjesti Maġisterjali … investigazzjonijiet kriminali kif kellhom jagħmlu l-pulizija.

“Ma ddejjaqna xejn nagħmluhom xogħolhom anke jekk issograjna ferm fuq livell personali. Bis-saħħa ta’ dawn l-inkjesti , irid u ma jridx il-Gvern; irid jew ma jridx il-Kummissarju tal-Pulizija; trid jew ma tridx l-Avukat Ġenerali; dawn l-iskandli qed jiġu investigate,” qal il-kelliem.

Huwa fakkar li kienet Repubblika li talbet l-inkjesta li qed issir dwar il-kuntratt korrott tal-Electrogas, bħat-tatlab li ssir l-inkjesta li qed issir fuq il-Panama Papers. Inkjesta oħra li qed issir hi fuq il-korruzzjoni fil-bejgħ tal-passaporti, oħra fuq il-korruzzjoni fil-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet u li b’ordni tal-Maġistrat li qed tmexxiha saret tfittxija fid-dar ta’ Joseph Muscat.

Dawn l-inkjesti għad iridu jingħalqu. Huwa evidenti li Muscat u sħabu huma mwerwra minn dan il-mument ta’ verità. Il-kelliem qal li huma fiduċjużi li dawn l-inkjesti se jagħtu raġun lil NGO, se jagħtu raġun ukoll lil Daphne Caruana Galizia u lil kull wieħed u waħda minna li komplejna l-ħidma tagħha f’dawn is-snin, u sostna li l-kbir għadu ġej.

Matul l-Laqgħa Ġenerali Annwali (AGM) kienu eletti dawn il-membri fil-Kumitat Eżekuttiv li huma: Viċi-President: Alessandra Dee Crespo. Membri: Frank Piscopo, Paula Fleri-soler, Renato Camilleri, Rosette Thake, Isabel Vella, Vicki Ann Cremona, Matthew Grech, Pia Zammit u Leonard Callus.