Lokali

Appelli biex il-Gvern jieħu azzjoni quddiem il-periklu fit-toroq

It-toroq Maltin tant kemm mhumiex siguri li ta’ kull sena qed naraw għexieren ta’ vittmi kawza ta’ dan in-nuqqas ta’ sigurtà.

Sostnew dan membri tal-Moviment Graffitti, u l-Għaqdiet mhux Governattivi, Rota u Friends of the Earth hekk kif is-Sibt filgħodu nġabru quddiem il-Parlament f’appell wieħed lill-Gvern sabiex jieħu azzjoni immedjata qabel ikun tard wisq.

Marie Claire Gatt, membru ta’ Moviment Graffitti,  qalet kif numru kbir ta’ persuni qed jispiċċaw iħallsu prezz qares mninħabba dan in-nuqqas ta’ sigurta… b’oħrajn anke jispiċċaw jitilfu ħajjithom.

Ta’ min wieħed ifakkar li l-Ministru responsabbli mit-toroq ta’ pajjiżna, f’Awwissu li għadda kien qal li hu jagħti prijorità assoluta lill-karozzi u mhux se jkun qed jaħseb f’alternattivi oħra favur iċ-ċiklisti u persuni mixjin fit-triq.

Membru tal-għaqda Rota, Mark Trapani fakkar kemm iċ-ċiklisti, ta’ kuljum jgħaddu minn periklu kbir kaġun tan-nuqqas ta’ pjanar fit-toroq ta’ pajjiżna.

Dan apparti l-fatt li ħafna spiċċaw ibatu minn problemi ta’ saħħa kaġun tal-ammont kbir ta’ vetturi li hawn f’pajjiżna, b’membru ta’ Friends of the Earth, Samuel Muscat jispjega kif dan qed iwassal biex in-nies imutu t’età iżgħar.

Huwa għalhekk li fid-dawl tal-problemi li ilhom preżenti għal dawn l-aħħar snin, qed isiru dawn l-appelli biex il-Gvern jindirizzahom illum qabel għada u mhux jistenna li ssir disgrazzja oħra qabel jaġixxi.

Ritratti: Matthew Tabone