Sport Sport Ieħor

Blackball: Iż-żewġ timijiet ta’ Ħamrun 147 jiltaqgħu kontra xulxin fis-semifinali tal-Easter Trophy

F’dawn il-jiem, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Blackball tat bidu għall-Easter Trophy fejn numru ta’ timijiet qed jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni maqsuma fi tliet kategoriji fuq bażi knock-out.  

Fin-National Easter Trophy, iż-żewġ timijiet tal-Ħamrun 147 għaddew għas-semifinali wara li t-tim A għelbu lil Cospicua Rangers 21-16 filwaqt li t-tim B kisbu rebħa ta’ 21-18 kontra Każin Pinto Qormi A. 

Fis-semifinali fuq żewġ legs, iż-żewġ timijiet ta’ Ħamrun 147 jilagħbu kontra xulxin filwaqt li Valletta Breakwater jaffaċċjaw lil Jojo’s Birżebbuġa. 

Fir-Regional Easter Trophy, Mosta St Mary’s A ma sabuhiex daqshekk diffiċli sabiex għelbu lil San Ġwann White Hart 21-4. 

Fil-kwarti tal-finali, il-Mostin jilagħbu kontra Ħamrun 147 C, Birkirkara Youngsters joħduha kontra Każin Pinto Qormi B, Birkirkara Boċċi jilagħbu d-derby Birkirkara Duke’s A filwaqt li San Ġwann Nick’s A jaffrontaw lil Selmun Bar A. 

Finalment intlagħbu l-ewwel legs tal-kwarti tal-finali tal-Community Easter Trophy fejn Domus Kids Żejtun għelbu lil Mosta St Mary’s C 11-9, PL Balzan B kisbu rebħa ta’ 12-8 kontra Ħamrun 147 D, Jojo’s Birżebbuġa ddominaw il-konfront kontra Taċ-Ċaċċu Qormi tant li rebħu 16-4 filwaqt li Valletta Fossa Boys rebħu 14-6 kontra Birkirkara Duke’s B.