Futbol Sport

FA Cup fl-Ingilterra – Kwarti-finali: Faċli għal Man City b’Haaland mill-ġdid l-eroj

Iċ-Champions Ingliżi Manchester City żammew mal-pronostiku biex ibbukkjaw post fis-semi-finali ta’ din il-kompetizzjoni wara rebħa tennistika, 6-0, fuq Burnley; il-liders ta’ The Championship u li għandhom lill-eks-difensur ta’ City Vincent Kompany bħala manager.

Fil-verità, il-Clarets ftit kellhom risposta għall-klassi tas-Citizens li niżlu b’tim qawwi għal din il-logħba u fejn huma bnew vantaġġ doppju sal-mistrieħ grazzi għal doppjetta minn Erling Haaland.

L-attakkant Norveġiż – li għaddej minn forma inkredibbli – kiseb l-ewwel gowl wara 32 minuta meta, wara ‘one-two’ veloċi ma’ Julian Alvarez, għeleb lill-gowlkiper Bailey Peacock-Farrell bi flick għar-rokna.

Imbagħad, Haaland għamilhom tnejn tliet minuti biss wara meta daħal għall-kross fil-baxx ta’ Phil Foden qabel irdoppja b’first timer b’saħħtu.

City komplew fejn ħallew fit-tieni taqsima, bl-isfida ta’ Burnley tisfaxxa għal kollox tant li t-tim ta’ Pep Guardiola seta’ jżid erba’ gowls oħra minn Haaland (59 – u għal ħat-trick personali); Alvarez (62), Cole Palmer (68) u mill-ġdid Alvarez (73) għal rebħa mill-aktar emfatika.

B’hekk ukoll Erling Haaland skorja aktar hat-tricks fil-kompetizzjonijiet kollha għal dan l-istaġun mill-plejers kollha flimkien tal-Premier League li rnexxielhom jgħaqqdu hat-trick wieħed fl-istess perjodu.

Il-plejers inkwistoni huma Mo Salah (Liverpool), Ivan Toney (Brentford), Son Heung-min ( Spurs), Phil Foden (Man City) u Leandro Trossard ( għal Brighton u meta llum huwa plejer ta’ Arsenal).