(Ritratti ta’ Joseph Galea)
Fi żmien tliet ġimgħat, pajjiżna jkun qed jgħix il-perijodu tal-Għid Imqaddes – żmien li miegħu assoċjati ħafna tradizzjonijiet antiki li huma marbuta mal-kultura reliġjuża li għadha tant b’saħħitha f’pajjiżna.
Il-Ġimgħa filgħaxija, mijiet ta’ persuni mxew wara l-vara tar-Redentur fl-Isla, bil-pellegrinaġġ ikun immexxi mill-Arċisqof Charles Scicluna.
Il-pellegrinaġġ bil-vara artistika ta’ Ġesù Redentur ħareġ mill-Bażilika Kolleġġjata ta’ Marija Bambina fl-Isla, u kif jiġri kull sena kienu bosta d-devoti li mxew wara din il-vara; ħafna minnhom b’wegħda jew b’sens ta’ ringrazzjament.
F’din il-lokalità hemm devozzjoni kbira lejn ir-Redentur, liema vara toħroġ tliet darbiet fis-sena – f’dan il-pellegrinaġġ tar-Randan, fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Ħadd tal-Qalb ta’ Ġesù.
Fl-Isla, din it-tradizzjoni hija waħda antika ħafna. Mid-dokumenti jidher li l-vara tar-redentur saret fl-1742 mill-artist Saverio Laferla. Vara li kienet waħda minn sett ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira fil-parroċċa tal-Isla li saru sal-1744.
Id-dokumenti li nstabu juru kif qabel dan is-sett, il-Parroċċa kellha tliet vari tal-ġimgħa l-kbira li kienu manekini.
L-istess dokumenti tefgħu dawl ukoll fuq il-perijodu meta bdiet tiġi ċċelebrata l-festa tar-Redentur fl-Isla.
Fil-bidu kien maħsub li ċ-ċelebrazzjoni devozzjonali tmur lura għall-1813, meta kien hemm il-pesta u saret wegħda li jekk il-pesta ma tidħolx l-Isla tibda ssir din il-purċissjoni.
Fl-1813 bdiet tinħareġ il-purċissjoni. Iżda d-dokumentazzjonijiet juru li fil-fatt il-festa kienet diġà bdiet issir b’permess tal-Papa fl-1802.
//= $special ?>