Lokali

“Il-Prim Ministru mhux jieħu ħsieb l-interessi tal-poplu” – Bernard Grech

Abela huwa maħtuf minn dawk li serqu lill-Maltin u l-Għawdxin

Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed joħroġ fid-deher kemm il-Prim Ministru Robert Abela mhux jieħu ħsieb l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi.. dan għaliex qed jibqa’ joħroġ għonqu għal dawk li serqu l-mijuni.

Meta kien qed jindirizza lin-nazzjon, il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Bernard Grech fakkar kif tliet ġimgħat ilu l-Qorti ddikjarat li l-kuntratti li saru ma’ Vitals u Steward kienu kuntratti frawdalenti u korrotti. Kuntratti li l-popli Malti minnhom ma ħa ebda benefiċċju hekk kif is-suppost investiment minn Vitals qatt ma wasal u dawn xorta waħda tħallsu l-miljuni.  

Bernard Grech qal li malli ħarġet is-sentenza tal-Qorti,  Robert Abela qal li se jistudja din is-sentenza, iżda mbagħad ġimgħa wara meta nħakem minn paniku,  qal li se jkun qed jitlob lil Steward biex tħallas lura l-flus.

Iżda jidher li Abela mhux verament jemmen dak li qal għax li kieku, il-Ħamis li għadda kien jingħaqad mal-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni u jiftaħ kawża lil Steward sabiex iġib lura l-mijuni li ħadu mingħajr ma investew kważi xejn.

Bernard Grech qal li kulma għamel il-Prim Ministru huwa li mar fil-Parlament biex jaġixxu ta’ avukat ta’ Steward fejn għamel siegħa sħiħa jipprova jgħid li dawn għamlu ħafna…. Mentri fil-verità ma sar kważi xejn.  

Il-Kap tal-PN qal li quddiem dak kollu li qed isseħħ fis-settur tas-saħħa, Abela mhux qed jagħmel xejn biex jagħti servizz aħjar lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Bernard Grech qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ taħdem sabiex  tkun il-vuċi ta’ dawk kollha li qed jaraw li dan huwa Prim Ministru maħtuf mill-barranin… maħtuf minn dawk li serqu lill-poplu Malti.