Lokali

Imnedi ktieb li jindirizza l-bżonn ta’ riforma serja għall-futur tax-xandar pubbliku

Il-Ġimgħa filgħaxija ġie mnedi l-ktieb ‘The role duties and obligations of the public service broadcaster in Malta’ miktub minn Francis Zammit Dimech… ktieb li jindirizza l-bżonn ta’ riforma serja biex ikun imħares il-futur tax-xandar pubbliku.

L-awtur qal li dan huwa l-mument għall-proċess ta’ riforma mingħajr ma wieħed jistenna strumenti legali ġodda minn barra sabiex ix-xandar jingħata l-fiduċja li għandu bżonn bħala l-ossiġinu biex jimraħ u jkun tassew ix-xandar li kulħadd jista’ joqgħod fuqu.

Huwa qal li l-irwol tax-xandar pubbliku huwa li jinforma lill-pubbliku fil-qofol tad-demokrazija.

Francis Zammit Dimech saħaq li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni mhux biss ta’ partit jew ieħor li jrid iwassal il-messaġġ tiegħu imma tal-pubbliku b’mod ġenerali li għandu d-dritt li jirċievi l-messaġġ.

Biex seta’ jiġi ppublikat dan il-ktieb, warajh kien hemm xogħol ta’ riċerka u studju li twettaq matul dawn l-aħħar seba’ snin… xogħol li jagħti rendikont ta’ x’inhi s-sitwazzjoni preżenti u jagħti pariri għall-futur biex jitħares b’serjetà x-xandar pubbliku.

Il-ktieb janalizza elementi differenti tar-rwol ta’ xandar pubbliku – li jiggarantixxi l-imparzjalita’, li jagħti l-informazzjoni kollha, li jiggarantixxi l-oġġettivita’ u li jħares l-identita’ nazzjonali billi jippromwovi l-kultura tagħna, mhux l-inqas l-użu tajjeb tal-ilsien Malti.

Il-ktieb jindirizza kwistjonijiet li jmorru lura sal-1964 u jeżamina diversi kwistjonijiet oħra sa tmiem is-sena l-oħra, fost l-oħrajn, jindirizza s-sentenza storika li ngħatat mil-Imħallef Grazio Mercieca dwar il-każ ta’ doveri li għandha l-Awtorità tax-Xandir biex ma tkunx imparzjali.

Francis Zammit Dimech appella biex kull persuna tkun pro-attiva u tieħu l-inizjattivi kollha f’pajjiżha li huma meħtieġa anke qabel ma jkun hemm il-liġi Ewropea ġdida.

Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-ktieb kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, il-Viċi Kap Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, numru ta’ persuni distinti, kif ukoll Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.