Stewart Said
MALTA……………… 12
SLOVAKKJA……… 5
(4-3), (2-1), (3-1), (3-0)
It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena żamm mal-previżjoni. Rebħa oħra konvinċenti li biha nqata’ passaġġ lejn it-Turkija għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew li se jsir f’Awwissu.
Kwalifikazzjoni oħra li żżid mal-kullana ta’ parteċipazzjonijiet konsekuttivi kontra l-aqwa nazzjonijiet fl-Ewropa fil-kategoriji kollha tal-Irġiel. Din id-darba taħt it-tmexxija tal-kowċ Montenegrin Milan Cirovic, iż-żgħażagħ Maltin komplew isarrfu l-ħidma tal-aħħar snin li biha qed juru li l-futur ta’ dan l-isport hu pożittiv.
Is-Slovakkja kellha darbtejn il-vantaġġ iżda Jayden Cutajar wieġeb fiż-żewġ okkażjonijiet. Elijah Schembri poġġa lit-tim Malti minn fuq għall-ewwel darba b’gowl mis-centre iżda Matviy Dnistryan ġab id-draw, b’Luigi Dimech iħalli lit-tim Malti fil-vantaġġ.
Fit-tieni sessjoni, it-tim Malti kkontrolla aktar il-logħba, ikkonsolida l-vantaġġ u kważi blokka dak kollu li resaq lejn il-lasta ta’ Dzanovic. Cutajar skorja doppjetta oħra u kabbar il-vantaġġ għal 6-3 sakemm Alex Zubcak naqqas id-distakk bl-aħħar azzjoni tas-sessjoni.
It-tim ta’ Milan Cirovic kompla jikkontrolla l-logħba u fit-tielet sessjoni kabbar id-distakk għal erba’ gowls, distakk li s-Slovakki qatt ma rkupraw minnu. It-tliet gowls tat-tim Malti f’din is-sessjoni waslu minn penalty ta’ Jayden Cutajar, lob delizzjuż ta’ Jayden Cassar u Eljiah Schembri minn man-up, b’Cebo kien naqqas id-distakk momentarju.
Il-plejers Maltin neħħew kull dubju mir-riżultat hekk kif anki l-avversarji donnhom qatgħu qalbhom. Jayden Cutajar, Elijah Schembri u Jayden Cassar kabbru r-rebħa Maltija fl-aħħar sessjoni. It-tim Malti jtemm l-impenji l-Ħadd filgħodu kontra r-Renju Unit fil-11.30am.
Malta: Z. Dzanovic, S. Engerer, J. Valletta, G. Bonavia, J. Cassar (2), D. Bugeja, Z. Cutajar Licari, J. Cutajar (6), E. Schembri (3), J. Chircop, L. Dimech (1), E. Mallia, I. Schembri
Slovakkja: D. Szitas, D. Szliva, A. Zubcak (1), L. Cebo (3), M. Dnistryan (1), M. Valko, N. da Silva, P. Bezuch, D. Luc, P. Bodoki, T. Cifra, V. Lampart, M. Seprak
Referees: Gregory Courbin (Franza), Ralf Mller (Ġermanja)
//= $special ?>