Sport Sport Ieħor

Kampjonat Ewropew tas-Snooker: Ross Muir champion Ewropew 2023

(Ritratt: EBSA)

Ross Muir sar iċ-Champion Ewropew tas-Snooker il-ġdid wara li fil-finali tal-EBSA European Snooker Championship, li sar fil-Lukanda Dolmen f’San Pawl il-Baħar, għeleb lil sieħbu Skoċċiż Micheal Collumb, 5 frames għal 1.

Il-plejer ta’ 27 sena minn Edimburg issa jkun nominat mill-EBSA biex jakkwista wild card biex jilgħab fit-tour professjonali għaż-żewġ staġuni li jmiss flimkien mal-kompatrijott Skoċċiż l-ieħor Liam Graham, li rebaħ il-kategorija ta’ Taħt il-21 sena. Fil-fatt Skozja rebħet 3 minn 4 kompetizzjonijiet, bir-rebbieħ l-ieħor ikun Jack Borwick’s, li rebaħ il-kategorija ta’ taħt is-16-il sena.

Fil-finali kollha Skoċċiża li kellna s-Sibt filgħaxija, Michael Collumb, ta’ 34 sena, kellu jikkuntenta bit-tieni post wara li Muir mill-ewwel wera l-intenzjonijiet tiegħu hekk kif l-ewwel mar 2-0 minn fuq biex sal-mistrieħ żamm iż-żewġ frames vantaġġ meta kien 3-1 minn fuq. Wara l mistrieħ Muir kompla fejn ħalla u rebaħ iż-żewġ frames ta’ wara 79-41 u 96-1. L-akbar break ta’ Muir kien ta’ 88 punt fit-tieni frame.

Muir sar ir-raba’ Skoċċiż li rebaħ din il-kompetizzjoni wara Graham Horne fl-1996, Scott Donaldson fl-2012 u Chris Totten fl-2017.

Mill-plejers Maltin kien Alex Borg li wasal l-aktar hekk kif huwa kien eliminat fil-fażi tal-aħħar sittax mill-plejer mill-Latvja Rodion Judin.

(Ritratt: EBSA)