Lokali

Jingħata bidu għall-Maratona ġbir ta’ fondi biex il-PN ikompli jissaħħaħ

‘Int Jixraqlek Aħjar’

Ingħata bidu għal Maratona Ġbir ta’ Fondi bil-għan li l-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ bit-tema ‘Int Jixraqlek Aħjar’ fuq Net Television għal ħin tal-16:00 tal-Ħadd waranofsinhar – Maratona li qed tiġi organizzata fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Din il-maratona qed tixxandar LIVE fuq Net TV kif ukoll anke fuq Net FM, bil-maratona fuq ir-radju bdiet għal ħin tas-1400.

L-għan ta’ din il-Martona qed issir biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jwassal il-messaġġ tiegħu b’mod effettiv issa iktar minn qatt qabel wara dak li qed iseħħ f’pajjiżna partikolarment fis-settur tas-saħħa.

Dan fid dawl tas-sentenza li ngħatat mill-Qorti dwar id-deal li sar ma’ Vitals u Steward – deal li fl-aħħar tmien snin seraq il-miljun minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi kollu. Deal li minnu ma sar ebda investiment kif kien imwiegħed, u deal li l-Prim Ministru għadu qed jiddfendih sal-lum.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino fetaħ il-Maratona fejn insista li wara l-episodji li seħħew fl-aħħar ġimgħat huwa evidenti li l-poplu qed jirrealizza li l-Partit Nazzjonalista verament jixtieq il-ġid lill-poplu u jrid jara l-Malta timxi ‘l quddiem.

Flimkien mat-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista, Mario Ellul, huma rringrazzjaw lil kull min se jkun qiegħed u kull min b’xi mod ġimgħa wara oħra, jgħin qatigħ lill-PN sabiex il-partit ikompli jissaħaħ.

Il-Maratona mistennija tkun mżewqa minn bosta intervisti, logħob u divertiment għall-familji kollha.

Kull min ma jistax jattendi għall-inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista u jixtieq jgħin, jista’ jagħmel dan billi jċempel jew jibgħat SMS, kif ukoll b’donazzjoni online fis-sit elettroniku pn.org.mt/donazzjoni. Għad-donazzjonijiet wieħed jista’ wkoll jikkuntattja lil xi membru tal-Kumitat Sezzjonali tal-lokalità tiegħu.