Futbol Sport

Premier League Ingliż: Everton iżommu lil Chelsea għal punt importanti

(Ritratt: EPA)

Everton kisbu punt ieħor importanti għall-ġlieda tagħhom lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika wara li żammew dro lil Chelsea, 2-2, fi Stamford Bridge.

Chelsea kienu l-favoriti għat-tliet punti u filwaqt li komplew bis-sekwenza ta’ logħob mingħajr telfa huma sabu quddiemhom tim determinat li ma jċedix pulzier u li wkoll qed juri titjib notevoli taħt il-manager Sean Dyche.

Il-gowls kollha waslu fit-tieni taqsima, b’Chelsea – li sa dak il-ħin kellhom ħafna aktar mill-attakki — jiksbu l-vantaġġ minn Joao Felix (52) qabel Everton għamluhom 1-1 minn Doucoure fis-70 minuta.

Ħames minuti wara Chelsea mill-ġdid marru fil-vantaġġ minn penalty skurjat minn Kai Havertz wara li Reece James twaqqa fil-kaxxa fuq l-interventi ta’ Ben Godfrey u James Tarkowski.

Everton baqgħu jemmnu u fit-88 minuta huma kienu premjati meta Doucoure għadda ballun perfett għal Ellis Simms li avvanza u sab ix-xibka għat-2-2 finali u għall-ewwel gowl tiegħu bil-flokk tat-Toffees.