Futbol Sport

Premier League Ingliż: Southampton isalvaw draw drammatiku ma’ Tottenham…Leeds jieħdu n-nifs b’rebħa għand Wolves

Southampton, li jinsabu fil-qiegħ tal-Premier League, għadhom qed jittamaw li jsalvaw posthom mal-kbar wara draw missielet, 3-3, ma’ Tottenham Hotspur f’St Mary’s Stadium.

Sadanittant, logħba oħra sinifikanti għan-naħa t’isfel tal-klassifika kienet is-‘six pointer’ bejn Wolves u Leeds United u fejn il-Yorkshiremen kisbu rebħa rari barra minn darhom biex inqalgħu ‘il fuq miz-zona l-ħamra.

Madankollu, il-ġlieda għar-relegazzjoni għadha waħda missielta meta erba’ punti biss jifirdu lil Crystal Palace, li jinsabu t-tnax fil-klassifika, mis-Saints – u meta t-taqtigħa għas-salvazzjoni qed tinvolvi xejn anqas minn disa’ timijiet; b’kull punt jiswa mitqlu deheb f’din il-fażi tal-istaġun.

Spurs fetħu tajjeb fis-Saint Mary’s u marru minn fuq sekondi qabel il-mistrieħ minn xutt b’saħħtu ta’ Pedro Porro fil-45 minuta.  It-tieni taqsima rat id-draw immedjat tas-Saints skurjat minn Che Adams wara 46 minuta logħob, b’Tottenham imbagħad jaqbdu lil Southampton fuq sieq waħda b’żewġ gowls oħra  minn Harry Kane u Ivan Perisic.

Iżda d-destinazzjoni tal-punti kienet għadha fl-ajru u s-Saints naqqsu l-marġni tal-iskor minn Theo Walcott fis-77 minuta fuq l-assist ta’ Sekou Mara. U tliet minuti fuq il-ħin regolamentari wasal il-gowl tad-draw grazzi għall-penalty preċiż skurjat minn James Ward-Prowse u li ngħata għall-fawl ta’ Sarr fuq Maitland-Niles.

Xejn anqas drammatika kienet ir-rebħa ta’ Leeds fuq Wolves f’Molineux, bil-logħba tipproduċi sitt gowls u żewġ tkeċċijiet – it-tnejn fuq in-naħa tat-tim mill-Black Country.

Leeds kellhom jistennew biss sitt minuti għall-vantaġġ ta’ Jack Harrison u bit-tieni gowl jasal ftit wara l-mistrieħ mid-difensur Luke Ayling.

Il-vantaġġ żdied għal tlieta meta s-sostitut Rasmus Kristensen approfitta mill-iżball ta’ Jonny Castro Otto fit-62 minuta iżda mbagħad bdiet ir-rimonta ta’ Wolves, bl-istess Jonny inaqqas l-iskor għal 3-1  b’volley mill-isbaħ u bil-vantaġġ ta’ Leeds ikompli jonqos wara li t-tentattiv ta’ Matheus Cunha fit-73 minuta kien imxellef għal ġewwa.

Fl-84 minuta, Jonny intwera karta ħamra diretta għal fawl ikrah fuq Ayling, b’Leeds, imbagħad, iserrħu rashom mill-punti permezz ta’ Rodrigo ftit minuti qabel tmiem il-partita li għeleb lill-gowlkiper Sa mill-viċin għall-ħdax -il gowl tiegħu f’dan l-istaġun.

Intant, Wolves spiċċaw il-logħba b’disa’ plejers wara li tkeċċilhom anki Nunes, fl-għaxar minuta tal-ħin miżjud u qabel ir-referi Michael Salisbury saffar għal tmiem il-logħba. B’din ir-rebħa, Leeds issa għandhom vantaġġ ta’ żewġ punti fuq l-aħħar tliet tims u fejn jinsabu punt biss anqas minn Wolves.

Aston Villa kisbu t-tielet rebħa, 3-0, minn erba’ konfronti tal-Premier League għall-ispejjeż ta’ Bournemouth – b’tal-aħħar jibqgħu f’inkwiet serju minkejja r-rebħa sorpriża tal-ġimgħa l-oħra fuq Liverpool.

L-ewwel gowl għall-Villains wasal minn Douglas Luiz wara 7 minuti logħob fuq suġġeriment ta’ Leon Bailey, b’Villa jissiġillaw it-tliet punti fl-aħħar għaxar minuti tal-konfront minn Jacob Ramsey fit-80 minuta u Emi Buendia fid-89 minuta li sab ix-xibka bir-ras fuq il-korner ta’ Luiz. Aston Villa, bħalissa, jinsabu komdi fil-ħdax-il post tal-Premier League b’vantaġġ ta’ 11-il punt fuq Crystal Palace.

Leicester City temmew sekwenza negattiva bi draw, 1-1, kontra Brentford fil-Community Stadium u b’dan il-punt jasal wara ħames telfiet konsekuttivi għall-Foxes fil-kampjonat. Madankollu, Leicester jinsabu punt wieħed biss fuq it-tielet tim mill-aħħar  fil-forma ta’ West Ham waqt li Brentford, b’dan id-draw, tilfu opportunità biex jitilgħu mal-ewwel sitt timijiet tal-Premier League.

Il-Bees fetħu l-iskor fit-32 minuta wara li Mathias Jensen ra x-xutt tiegħu imxellef għal ġewwa minn Souttar, iżda fit-tieni taqsima, Harvey Barnes spiċċa waħdu quddiem Raya u b’kalma kbira, sab ix xibka wara li qabbeż minn fuq ras il-goalkeeper tal-Bees

Fl-aħħar tal-logħba is-sostitut ta’ Brentford, Shandon Baptiste intwera l-ħamra għal fawl fuq il-midfielder tal-Foxes Kiernan Dewsbury-Hall.